Għadd m’hemm l-ebda qbil dwar il-ftehim settorjali għall-għalliema, bl-edukaturi m’għandhomx idea dwar x’se jkun qed jiġri mill-professjoni tagħhom.
Net News tkellem mal-President tal-MUT, Marco Bonnici, li minn naħa tiegħu ikkonfermalna li għadhom ma waslu mkien mal-Gvern – minkejja snin ta’ wegħdiet, anke dawk elettorali, għal kundizzjonijiet aħjar u żieda “sostanzjali” fil-pagi tal-edukaturi.
Il-Gvern qed jibqa’ jisfida lill-Union tal-Għalliema. Sa issa, għad m’hemmx qbil bejn iż-żewġ partijiet – fejn fl-aħħar jiem rajna kif il-Ministru Clifton Grima ħareġ komunikat uffiċjali lill-edukaturi biex wassal informazzjoni dwar il-pakkett finanzjarju marbut mal-ftehim settorjali; proprju tlett ijiem qabel żewġ elezzjonijiet importanti għal pajjiżna.
L-għalliema għadhom bla ebda pakkett finanzjarju minkejja li l-Gvern kien wiegħed fil-manifest elettorali, permezz ta’ proposta 251 li kellu “jkun hemm titjib sostanzjali ieħor fil-pagi tal-edukaturi matul il-ħames snin li ġejjin.” Iżda issa li għaddew sentejn mindu saret din il-wiegħda, l-edukaturi għadhom jistennew.
In-nuqqas tal-Gvern Laburista qed iwassal biex pajjiżna jitlef aktar għalliema kemm fuq livell tal-primarju u fl-iskejjel medji, b’detriment għall-ġenerazzjonijiet futuri.
//= $special ?>