Lokali

Evarist Bartolo jċanfar lil Abela u jgħid li kellu jieħu deċiżjonijiet sentejn ilu u mhux issa

“Din kienet rebħa (rebħa/telfa) għall-Prim Ministru” Bartolo

Fl-Elezzjoni tas-Sibt il-Prim Ministru Robert Abela kellu, rebħa, rebħa telfa… u warajha issa qiegħed jgħid li se jieħu deċiżjonijiet diffiċli, madanakollu dawn id-deċiżjonijiet kellhom jittieħdu sentejn ilu, meta kien aktar b’saħħtu. Kif se jeħodhom lejlet elezzjoni ġenerali tal-2027… meta se jkun aktar dgħajjef?

Staqsa dan fuq Facebook l-Eks Ministru Laburista u Eks Membru tal-Kabinett ta’ Abela… Evarist Bartolo hekk kif f’diskorsu ta x’jifhem li l-kampanja għall-elezzjoni ġenerali tal-2027 diġà ngħatat bidu filwaqt li ċanfar mingħajr tlaqlieq lill-Mexxej tal-Labour.

Huwa insista li Prim Ministru għandu jieħu deċiżjonijiet iebsin fl-ewwel sentejn malli jirbaħ elezzjoni.

Minflok Robert Abela qal li se jieħu numru ta’ deċiżjonijiet dwar il-qerda ambjentali, il-barranin, il-bini esaġerat u ekonomija fit-tul… wara d-disfatta elettorali.

Bartolo sostna li l-Mexxej tal-Labour ma ħax id-deċiżjonijiet bżonjużi wara l-elezzjoni tal-2022 meta kien jiflaħ jitlef il-voti… u staqsa kif se jeħodhom issa li ma jiflaħx jitlef aktar? Dan, filwaqt li xeħet dubji serji dwar jekk effettivament dal-wegħdiet li qed jagħmel Abela hux se jitwettqu jew le.

Intant diversi persuni kkummentaw fejn uħud saħqu li d-deċiżjonijiet ittieħdu biex jiġu l-flus l-ewwel u qabel kollox  – oħrajn insistew li taħt Abela l-ħaddiem mhux stmat bħal żmien Mintoff u kif mistenni kien hemm numru ta’ Laburisti li ħaduha b’saħħa kontra kliem l-Eks Ministru Laburista.