Internazzjonali

Franza: Il-President Macron jinsisti li mhux se jirriżenja… iħeġġeġ għal ‘front’ kontra l-estremisti tal-lemin

Il-President Franċiż Emmanuel Macron, fisser bħala ‘assurda’ l-ispekulazzjoni li hu jista’ jirriżenja mill-Presidenza f’każ li l-Partit Rally Nazzjonali estremista tal-lemin jirbaħ l-elezzjonijiet leġiżlattivi li għandhom isiru fil-pajjiż fit-30 ta’ Ġunju u s-7 ta’ Lulju.

Dan meta l-pressjoni qed tikber fuq Macron u l-Alleanza taċ-ċentru li qed imexxi wara d-disfatta kbira li sofra l-Partit tiegħu Renaissance u l-alleati fl-elezzjonijiet ta’ jiem ilu għall-Parlament Ewropew.

Macron fadallu tliet snin oħra ta’ Presidenza u issa hu qed isejjaħ biex il-politiċi u l-votanti tal-lemin u x-xellug jingħaqdu f’impenn u ‘proġett konġunt’ biex (fl-elezzjonijiet li jmiss) jegħlbu lill-estremisti tal-lemin immexxija minn Marine Le Pen.

Iżda hu xorta qed jiffaċċja kritika kbira għad-deċiżjoni li ħa biex isejjaħ elezzjoni bikrija għall-Parlament ta’ Pariġi – bil-kritiċi jirreferu għalih bħala ‘mexxej li tilef ir-riedni u kull sena ta’ direzzjoni’.

Waqt li Macron qed jinsisti li ‘ma jridx jgħaddi t-tmexxija tal-pajjiż lill-estremisti’, l-indikazzjonijiet huma pożittivi ħafna għar-Rally Nazzjonali ta’ Le Pen li t-trijonf tagħhom fl-elezzjonijiet tal-Ewropa anki kellu jwassal għax-xoljiment sorpriża tal-Assesmblea f’Pariġi.