Internazzjonali

Gaza: Ftehim għall-waqfien mill-ġlied ‘imdendel’ minħabba l-Ħamas

Il-grupp Ħamas qal li hu lest biex jitratta l-proċess lejn waqfien mill-ġlied f’Gaza ‘b’mod pożittiv’ , iżda, fl-istess ħin, qed ikompli jwebbes rasu bl-insistenza ħalli Iżrael ma jkomplix jattakka l-bażijiet tiegħu filwaqt li jirtira ‘l-aħħar suldat’ mit-territorju li ilu taħt assedju mill-bidu ta’ Ottubru.

L-Istati Uniti, fl-aħħar sigħat, kienet qed tevalwa l-pożizzjoni tal-Ħamas waqt li l-Gvern Iżraeljan ma kkummentax uffiċjalment dwar x’qed jistenna mill-grupp terroristiku Palestinjan.

Dan ukoll waqt li xi uffiċjali Iżraeljani li xtaqu li jibqgħu anonimi, qalu li l-pożizzjoni tal-Ħamas, fiha nnifisha, tirrifletti ċaħda għall-proposta tal-Istati Uniti biex il-ġlied f’Gaza jieqaf  u jsir skambju tal-ostaġġi miżmuma mill-Ħamas mal-priġunieri Palestinjani li qed jinżammu fil-ħabsijiet ta’ Iżrael.

Is-Segretarju tal-Istat Amerikan,  Antony Blinken, fl-aħħar sigħat ukoll wasal fil-Qatar biex, flimkien mar-rappreżentanti ta’ dan il-pajjiż u r-rappreżentanti tal-Eġittu, jiffaċilitaw ftehim li jikkonkludi l-battalji f’Gaza.

Dan ukoll meta l-Qatar u l-Eġittu ilhom il-ġimgħat iservu bħala medjaturi fil-kriżi ta’ Gaza –  b’Antony Blinken isostni li l-Prim Ministru Iżraeljan, Benjamin Netanyahu, qed jissogra ferment kbir fost il-Kabinett tiegħu wara li hu wiegħed mill-ġdid li se jimpenja ruħu għal kwalunkwe ftehim li jintlaħaq.

Fl-istess ħin, l-Istati Uniti u Iżrael qed jaqblu li nuqqas ta’ progress f’dan l-istadju se jkun dovut għall-intransiġenza tal-Ħamas u li din għandha tirriżulta fit-tkomplija tal-kunflitt fl-artijiet ta’ Gaza.

Hu minnu wkoll li l-Prim Ministru Netanyahu baqa’ ma ħariġx konferma pubblika u uffiċjali fejn hu jagħmilha ċara li qed jaċċetta l-proposta għall-waqfien mill-ġlied. Proposta li għandha l-appoġġ tal-komunità internazzjonali, kif ukoll min-naħa tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti.