Numru kbir ta’ ġenituri tkellmu ma’ Net News dwar domanda li saret waqt eżami tal-Malti fl-iskejjel tal-Primarja.
Din id-domanda ħarġet fil-Karta tal-Malti, u kienet iffukata fuq suppost “artiklu” miktub mill-Ministru tal-Ambjent Miriam Dalli rigward l-iskart.
Lit-tfal, l-eżaminaturi saqsewhom fuq ix-xogħol tal-Ministeru fejn jidħol riċiklaġġ ta’ żibel u għalfejn inkiteb dan l-artiklu mill-Ministru Dalli.
Ommijiet li għamlu kuntatt ma’ dan is-sit qalulna li inħasdu wara li saru jafu bil-kontenut tal-karta tal-eżami. “Din propaganda sfaċċata”, qaltilna mara li t-tifel tagħha poġġa għal dan l-eżami. Raġel ieħor qalilna li malli skopra x’kien hemm fil-karta ta’ bintu mal-ewwel induna kemm din kienet “domanda partiġġjana bi skop fin”.
Intant, il-Ministeru tal-Edukazzjoni fi stqarrija qal li se jwaqqaf bord biex jistabbilixxi l-fatti dwar dak li ġara f’dan il-każ, u joħroġ numru ta’ konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet li jwasslu għal “azzjonijiet li għandhom jittieħdu għal titjib fis-sistema kurrenti”.
Ikkummentat ukoll il-Ministru Miriam Dalli, illi qalet li din id-domanda f’karta tal-eżami kienet “mossa żejda”.
//= $special ?>