F’messaġġ li wassal lill-poplu Malti u Għawdxi, l-MEP Nazzjonalista David Casa rringrazzja tal-fiduċja li ngħata sabiex ikompli jservi l-ħames leġiżlatura għall-ħames snin li ġejjin permezz tas-siġġu li se jokkupa mill-ġdid fil-Parlament Ewropew.
David Casa se jkun qed jingħaqad flimkien mal-President tal-Parlament Ewropew, Roberta Metsola u l-Membru Parlamentari l-ġdid f’isem il-Partit Nazzjonalista, Peter Agius.
David Casa qal li r-riżultat tal-elezzjoni kien wieħed li wassal messaġġ li l-poplu Malti jrid li l-istituzzjonijiet jinħelsu darba għal dejjem mill-ħakma tal-Gvern Laburista.
“Il-poplu Malti rebaħ din l-elezzjoni li għadna kemm għaddejna minnha, il-poplu Malti llum assigura li dik il-klikka li ħakmet Kastilja naturalment ma tibqax tirrenja,” qal Casa.
David Casa kompla jgħid li huwa se jibqa’ jaħdem fil-Parlament Ewropew għall-ġid tal-poplu Malti u Għawdxi kollu. Dan se jibda jagħmlu billi jassigura li Roberta Metsola terġa’ tingħata l-fiduċja bħala President tal-Parlament Ewropew għat-tieni leġiżlatura.
“Mhux jien irbaħt, mhux il-Partit Nazzjonalista, imma rebħu Malta u Għawdex,” qal Casa.
Il-Membri Parlamentari Ewropew għandhom jgħaqdu l-kariga tagħhom fil-Parlament Ewropew sas-16 ta’ Lulju, biex imbagħad il-lista ta’ Membri Parlamentari tiġi aġġornata minnufih u jieħdu posthom il-membri l-ġodda.
//= $special ?>