Sport Waterpolo

Id-debuttant Barroso jispikka fir-rebħa importanti ta’ Birżebbuġa … Neptunes u San Ġiljan b’rebħiet faċli

(Ritratt: Catriel Farrugia)

Minkejja li għadhom kif intlagħbu l-ewwel logħbiet, Birżebbuġa Freeport għamlu pass importanti biex jilagħbu fil-Kampjonat Premier hekk kif rebħu l-konfront dirett kontra Marsaskala Optima 17-11.

Ir-riżultat finali ma jagħmilx ġustizzja mal-andament tal-logħba hekk kif kien biss fl-aħħar sessjoni li Birżebbuġa ddistakkaw ruħhom. Spikka d-debuttant Alberto Barroso li skorja xejn anqas minn għaxar gowls.

Birżebbuġa kellhom vantaġġ ta’ 4-1 fl-ewwel sessjoni iżda Marsaskala rkupraw fit-tieni sessjoni u saħansitra marru 7-6 minn fuq sakemm Ben Grech ġab id-draw lejn tmiem is-sessjoni. Il-logħba baqgħet bilanċjata, bid-debuttant Barroso jiskorja erba’ gowls fit-tielet sessjoni u wassal biex Birżebbuġa bdew l-aħħar sessjoni 11-10 fil-vantaġġ.

Il-mument importanti tal-logħba seħħ fil-bidu tal-aħħar sessjoni meta l-logħba tat-Taljan Edoardo Manzi ntemmet bit-tielet tkeċċija personali. Sa dak il-ħin ir-riżultat kien 11-11 u Manzi kien skorja sitt gowls minnhom. Minn hemm it-tim ta’ Pierre Borg ħa kontroll tal-logħba u kabbar id-distakk perjodikament sat-tisfira finali.

Neptunes Videoslots kif mistenni ma sabux diffikultà biex għelbu lil Otters Nivea 19-9. Ritorn fit-tim għal Stevie Camilleri u Jake Muscat wara staġun sħiħ jilagħbu barra l-pajjiż filwaqt li Dmitrii Kholod għamel id-debutt.

Sam Gialanze u Stevie Camilleri spikkaw fl-ewwel sessjoni b’doppjetta kull wieħed hekk kif Neptunes ħadu vantaġġ ta’ ħames gowls. Il-vantaġġ kompla jiġi kkonsolidat fit-tieni sessjoni u din id-darba kien Jake Muscat li spikka bi tripletta.

B’vantaġġ ta’ 10-4, il-logħba naqqset mill-intensità tagħha filwaqt li Neptunes baqgħu jikkontrollaw mingħajr problemi. Spazju wkoll għal aktar plejers fit-tim hekk kif id-differenza bejn iż-żewġ timijiet kienet evidenti.

San Ġiljan JP Projects ukoll kisbu rebħa faċli kontra Barracudas. Logħba bla storja li fiha l-Ġiljaniżi ddominaw mill-bidu sal-aħħar, bid-debuttant Mario Guidi jiġbor ftit ir-riżultat għal Barracudas.

It-tim ta’ Zeljko Kovacic fetaħ kif mistenni billi juri s-superjorità tiegħu u temmew l-ewwel sessjoni 8-2 b’doppjetti ta’ Jeremy Abela, Nicholas Bugelli u Ben Plumpton fost l-oħrajn. Barracudas wieġbu tliet darbiet wara l-gowls tal-avversarji sakemm erba’ gowls konsekuttivi għamlu r-riżultat 15-5.

Minkejja dan id-distakk u r-rotazzjoni fit-tim fosthom bidla fil-gowlkiper, San Ġiljan baqgħu superjuri b’Jeremy Abela jiskorja tripletta fit-tielet sessjoni u Ben Plumpton għamel l-istess lejn tmiem il-logħba.

OTTERS NIVEA……………………… 9

NEPTUNES VIDEOSLOTS……… 19

(0-5), (4-5), (3-4), (2-5)

Otters: M. Xerri, M. Bonnici, K. Scicluna, T. Milne, M. Meli, D. Dimech, I. Azzopardi, S. Dimech, L. Dimech (1), P. Smiljevic (7), M. Farrugia, A. Dimech (1), M. Grech, K. Micallef

Neptunes: A. Borg Cole, D. Kholod (1), S. Gialanze (3), G. Pace (1), J. Camilleri, L. Mallia, S. Camilleri (5), M. Castillo (1), J. Muscat (3), J. Bajada (1), A. Fenech (3), E. Mallia (1), M. Rossi, D. Bugeja

Referees: Peter Balzan, Alessandro Naccari

SAN ĠILJAN JP PROJECTS……. 29

BARRACUDAS……………………….. 11

(8-2), (7-3), (8-4), (6-2)

San Ġiljan: J. Tanti, N. Bugelli (3), G. Bonavia (1), B. Plumpton (6), R. Caruana (2), M. Zammit (4), J. Bonavia (3), D. Tully (2), J. Abela (6), N. Zammit (2), J. Zammit, N. Schiavone, G. Borg, S. Van Wyk

Barracudas: C. Borg, C. Bugeja, N. Farrugia, P. Micallef (1), W. Ruggier (1), R. Sciortino (1), K. Mock (1), J. Schembri Young, S. Apap, M. Guidi (5), L. Pursehouse (1), C.J. Saliba, L. Bowman, T. Camilleri (1)

Referees: Neville Mercieca, Valerio Volpini

MARSASKALA OPTIMA…………. 11

BIRŻEBBUĠA FREEPORT………… 17

(3-4), (4-3), (3-4), (1-6)

Marsaskala: A. Muscat, D. Ciantar, E. Manzi (6), J. Pace Mizzi (1), M. Agius, R. Greco, K. Navarro (2), M. Farrugia (1), K. Grech, J. Colombo, J. Ciantar (1), M. Carani, L. Gatt, L. Montebello Brownrigg

Birżebbuġa: M. Sladden, M. Aquilina, N. Cassar (2), B. Grech, S. Bezzina, M. Manara, A. Barroso (10), M. Cassar, D. Farrugia, M. Cutajar (2), G. Mannino (1), M. Curmi (2), S. Livori, D. Incorvaja

Referees: Alex de Raffaele, Alessandro Naccari

Logħob għal-lum

Grupp A: Valletta v Ta’ Xbiex 6.00pm

Grupp B: Exiles v Marsaxlokk 7.15pm, Sliema v Sirens 8.30pm