Internazzjonali

Il-Kuwajt: Jinvestigaw in-nirien f’Mangaf li ħallew għexieren ta’ mejtin u midruba

L-awtoritajiet fil-Kuwajt qed jinvestigaw x’wassal għan-nirien li qabdu f’bini residenzjali fil-belt ta’ Mangaf u li ħallew madwar 50 mejtin u għexieren tal-midruba – bl-inċident qed jitqies fost l-akbar traġedji fil-Kuwajt għal ħafna snin.

Fost il-mejtin hemm numru sostanzjali ta’ ħaddiema barranin, inklużi Indjani, bis-sitwazzjoni tinġieb lura taħt kontroll wara li l-iskwadri għall-emerġenzi damu s-sigħat jikkumbattu mal-fjammi kbar li qerdu parti sostanzjali tal-bini.

Il-filmati li ċirkulaw fuq il-media soċjali wrew il-fjammi ħerġin mill-parti t’isfel tal-bini flimkien mad-dħaħen kbar ibewġu mis-sulari ta’ fuq, anki waqt li l-iskwadri għall-emerġenzi kienu qed jirreaġġixxu għas-sitwazzjoni urġenti.

Il-Viċi Prim Ministru tal-Kuwajt, Sheikh Fahad Yusuf al-Sabah, akkuża lis-sidien tal-bini dwar abbuż tar-regoli tas-sigurtà – b’dan l-aġir qed jidher li jaħti  ‘parzjalment’ għat-traġedja.

Al-Sabah, li hu wkoll il-Ministru tal-Intern, stqarr li t-traġedja kienet dovuta għar-‘regħba għall-flus’ tal-proprjetarji tal-bini li ma irrispettawx il-liġijiet.

Fil-fatt, l-awtoritajiet fil-Kuwajt kemm-il darba joħorġu t-twissijiet dwar il-periklu waqt sitwazzjonijiet fejn il-bini jispiċċa pakkjat bl-ammonti ta’ residenti li ma jifilħux għalihom.

Dan fost indikazzjonijiet li l-bini – fil-ħin meta qabdu n-nirien – kienet iffullata żżejjed bir-residenti li ħafna minnhom kienu ħaddiema li ġejjin mill-pajjiżi tat-Tielet Dinja.