Lokali

Il-Laburisti jriduh jitlaq – Debattista jsabbat saqajh u jgħid li se jibqa’ CEO tal-Labour

Il-Laburisti jkomplu jilletikaw bejniethom fuq Facebook

“Jien kont Kap Eżekuttiv tal-Partit Laburista u għadni fl-istess rwol.”

Sostna dan Randolph Debattista, CEO tal-Labour, hekk kif kompliet il-botta u risposta fuq Facebook bejn l-esponenti Laburisti.

Debattista tkellem wara li diversi persuni li jimmilitaw fil-Partit Laburista, fosthom Neville Gafà qalulu biex jerfa’ responsabbiltà tat-tnaqqis drastiku ta’ voti li sofra l-Partit ta’ Abela fl-elezzjonijiet tas-Sibt – b’uħud saħansitra jgħidu li Randolph Debattista huwa Ġuda.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Labour stqarr li kien kostrett jikteb fuq Facebook minħabba l-ispekulazzjonijiet dwar laqgħa li kellu ma’ Robert Abela – fejn kien qed jingħad li proprju Debattista rriżenja.

Debattista qal li r-rwol tiegħu huwa li nara li l-finanzi tal-Labour jitmexxew b’għaqal – botta ċara għal Gafà li staqsa lil Randolph Debattista x’għamel bil-flejjes tal-maratoni.

Huwa insista li mhux biss il-Labour għandu jieħu deċiżjonijiet dwar s-sinjal li bagħat l-elettorat, iżda wkoll dawk li internament ilhom iwasslu għall-aħħar snin.