Lokali Parlament

Il-pajjiż għandu jistabbilixxi kemm jiflaħ turisti fil-kuntest taż-żieda fil-popolazzjoni


Mario de Marco, PN


Id-deputat Nazzjonalista Mario de Marco sostna fil-Parlament li l-pajjiż għandu jistabbilixxi kemm jiflaħ turisti fil-kunetst taż-żieda fil-popolazzjoni.


Mario de Marco qal li għandu jingħata rendikont dwar kif qed jintfequ t-€62 miljun ivvotati għar-riklamar mill-MTA. Għandu jkun hemm kriterji oġġettivi dwar kif dawn jintefqu u jkun hemm level playing field, kif qed tinsisti l-MHRA.


Għandu jkun speċifikat għaliex ċertu operaturi li qed jibbenefikaw minn dawn il-fodi u oħrajn le. Jeħtieġ li l-infiq isir bi trasparenza anki fil-mod kif qed jiżdiedu ċertu salarji.


Hu tkellem dwar in-numru ta’ turisti li jżuru Malta u qal li l-indikazjzonijiet huma li s-sena se tkun tajba ħafna iżda d-diskussjoni m’għandhiex tkun iffukata biss madwar in-numri ta’ wasliet. Jeħtieġ li ssir diskussjoni serja dwar fejn il-pajjiż irid jieħu l-industrija tat-turiżmu biex dan ikun sostenibbli.


L-industrija tat-turiżmu issa qed ikollha impatti qawwi fuq l-infrastruttura. Jirriżulta li f’Tas-Sliema diġà kien hemm qtugħ fil-provvista tad-dawl waqt li qed jiżdiedu l-problemi tad-drenaġġ. Jeħtieġ li anki l-ajruport jitkabbar.


Mario de Marco qal li l-pajjiż m’għandux jasal fi żmien meta r-residenti Maltin jibdew joġġezzjonaw għat-turiżmu minħabba l-piżijiet li jkunu qed isofru. Dan diġà qed isr bil-permessi li l-gvern qed jagħti għal siġġijiet u mwejjed mhux biss fuq il-bankini, iżda wkoll taħt il-bankini. Hemm problema kbira ta’ nuqqas ta’ infurzar ma’ min jabbuża.


Id-deputat Nazzjonalista qal li n-nefqa tat-turisti f’Malta qed tonqos u mhux il-lukandi kollha qed jirnexxielhom ikunu profitabbli. Hu tkellem dwar l-Air Malta u qal li wara li n-nies fallewha, l-istess nies reġgħu qed imexxu l-linja tal-ajru l-ġdida.