Lokali

Ir-residenti jitolbu azzjoni konkreta mingħand il-Prim Ministru u mhux kliem fieragħ

Gruppi ta’ residenti xebgħu jisimgħu kliem fieragħ mingħand il-Prim Ministru, speċjalment wara l-aħħar stqarrija tiegħu li jeħtieġ li jinstab bilanċ bejn l-imwejjed u s-siġġijiet li qed jimblokkaw il-bankini u l-ispazji pubbliċi.

“Aħna ktibnielek diversi drabi, bgħattnielek it-talbiet u l-proposti tagħna, għamilna serje ta’ protesti u azzjonijiet, iżda bqajna qatt ma rċevejna xi forma ta’ rikonoxximent mingħandek jew mill-ministri tiegħek. Issa qed toħroġ tgħid li ċ-ċittadini jistgħu jafdaw il-gvern tiegħek u jeħtieġ li tinstab soluzzjoni. Wara li ilna snin nqattgħu ljieli bla rqad, nippruvaw ninnavigaw bankini imblokkati, u naraw il-bliet u l-irħula tagħna jiġu sfigurati, issa qed tgħidilna li qed tisma’,” qalu r-residenti.

Jekk il-Prim Ministru jrid juri li huwa serju, ir-residenti qalu li qed jistennew li jiltaqa’ magħhom fi żmien ġimgħa sabiex jiddiskutu din il-kwistjoni flimkien. Fid-dawl ta’ rapporti riċenti ta’ bullying u theddid intimidanti mingħand sidien ir-restoranti lejn residenti li ma beżgħux jitkellmu, l-urġenza li hemm bżonn li biha tiġi indirizzata din il-kwistjoni qed issir aktar evidenti.

“Jekk nibqgħu ma nisimgħux mingħandek b’data stipulata għal laqgħa fi żmien ġimgħa, tkun qed tikkonfermalna li dan tiegħek huwa kollu kliem fieragħ. Ir-residenti madwar Malta u Għawdex kollha għandhom għajnejhom fuqek u qed jistennew mingħandek,” stqarrew ir-residenti.

Fil-qasir it-talbiet tar-residenti huma:

1. Reviżjoni tal-Liġi: Tiġi riveduta u msaħħa l-liġi attwali dwar stabbilimenti tal-ikel li joperaw fuq spazju pubbliku.

2. Rilaxx tal-Informazzjoni: Ikun hemm trasparenza fil-mod kif l-Awtorità tal-Artijiet toħroġ il-permessi għall-okkupazzjoni ta’ art pubblika.

3. Rikors għal Azzjoni: Ir-residenti jkollhom id-dritt li jieħdu azzjoni sabiex jiġġieldu l-abbuż u jassiguraw li jsir infurzar serju.

Dawn it-talbiet huma ssapportjati minn residenti ġejjin minn Tas-Sliema, il-Belt Valletta, Wied il-Għajn, il-Mellieħa, San Pawl il-Baħar, il-Kottonera, Marsaxlokk u r-Rabat Għawdex.