Lokali Parlament

Jeħtieġ diversifikazzjoni lejn turiżmu ta’ kwalità


Robert Cutajar, PN


Il-Whip tal-Oppożizzjoni Robert Cutajar sostna fil-Parlament li l-pajjiż għandu bżonn diversifikazzjoni lejn turiżmu ta’ kwalità.


Robert Cutajar qal li hemm bżonn impenn fuq il-kwalità tat-turiżmu li għandha titpoġġa bħala prijorità għaliex il-gvern jidher li qed jiffoka biss fuq in-numri.


Hu staqsa jekk il-gvern għandux pjan strateġiku dwar kemm jiflaħ turisti l-pajjiż anki fil-kuntest taż-żieda enormi fil-popolazzjoni. Illum il-pajjiż qed jiffaċċja piżijiet fl-infrastruttura fosthom fl-isptarijiet, fl-enerġija, fit-toroq u fis-servizzi bażiċi.


Id-deputat Nazzjonalista tkellem fuq it-turiżmu reliġjuż u appella biex ikun hemm strateġiji ġodda fosthom li l-knejjes ikunu miftuħin filgħodu biex it-turisti jkunu jistgħu jżuruhom.


Hu staqsa fejn kienet l-MTA quddiem l-isfidi li qed jiffaċċjaw il-festi fejn ċertu purċissjonijiet ma jistgħux isiru minħabba li diversi pjazez huma dominati minn imwejjed u siġġijiet.


L-MTA għandha twaqqaf lil min qed jabbuża u għandu jinstab bilanċ. L-MTA llum hi kompliċi flimkien mad-Dipartiment tal-Artijiet fis-serq tal-pjazez mingħand il-komunitajiet.


Robert Cutajar appella biex isir investiment fil-Park tal-Majjistral għaliex mhux isir l-investiment meħtieġ mill-MTA.


Hu staqsa x’inhi s-sitwazzjoni dwar il-Palazz ta’ Selmun u l-lukanda fiz-zona. Issa ġiet irtirata wkoll l-offerta biex il-Palazz ikun restrawrat biex issa din se toħroġ minn ministeru ieħor. Id-deputat Nazzjonalista appella biex iz-zona ta’ Selmun tkun konvertita f’park nazzjonali b’attrazzjonijiet ta’ agrituriżmu.


Robert Cutajar qal li l-pjan li kien hemm u li kien jinvolvi wkoll il-Gżejjer ta’ San Pawl, ikun implimentat. Hu kompla li kienet l-MTA stess li fix-Xemxija kisret ir-regoli li għamlet hi stess. Jeħtieġ li t-toroq li jkunu nbdew ma jdumux xhur twal biex jitlestew.


Dwar il-Bajja tal-Għadira, id-deputat Nazzjonalista qal li kien Gvern Nazzjonalista li ġab l-istatus ta’ Blue Flag għal din il-bajja fl-2010. Hu qal li tajjeb li sar il-promenade tal-Għadira imma m’għandux ikun aċċettat li jiżbroffa d-drenaġġ fiz-zona.