ARKIVJI Lokali

L-EXPO 2024 swiet €680,840


Il-gvern nefaq is-somma ta’ €680,840 biex organizza l-EXPO 2024, li ffokat fuq il-ħidma tas-Servizz Pubbliku.


Dan kien konfermat mill-Prim Ministru Robert Abela meta kien qed iwieġeb mistoqsija parlamentari tad-Deputat Nazzjonalista Claudette Buttigieg.


Mill-ammont ta’ €680,40 intefqu €490,781 fuq stands, €95,071 fuq riklami, €78,2919 fuq ospitalità, €13,508 fuq servizzi amminstrattivi u €3,259 fuq assigurazzjoni u sigurtà.


Id-deputat Nazzjonalista Claudette Buttiggieg staqsiet ukoll lill-Prim Ministru kemm ġie jiswa l-video ‘Miegħek f’kull ħin’ maħruġ mis-Servizz Pubbliku u kif kienet imqassma n-nefqa. Hi staqsiet ukoll kemm minn din in-nefqa kienet permezz ta’ sejħa pubblika u kemm kienet permezz ta’ direct order.


Il-Prim Ministru wieġeb li dan il-filmat kien fuq il-paġna tal-Facebook tas-Servizz Pubbliku u rawh mill-inqas 300,000 persuna waqt li kellu wkoll madwar 8,000 interazzjoni. L-istess filmat li xxandar waqt il-konferenzi annwali u fuq l-istazzjon nazzjonali, ġie jiswa €19,550. L-ispiża kienet maqsuma €4,500 għal atturi, €5,000 għall-iffilmjar, €4,800 għall-Post Production u spejjeż oħra. Hu qal li l-kumpaniji li ħadmuh intgħażlu fuq meriti artistiċi.