Lokali

Bernard Grech kommess li jibqa’ jaħdem għall-ġid tal-poplu kollu

“Ma tista’ tieqaf taħdem qatt”. Tenna dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech, fejn insista fuq l-importanza kbira li wieħed iżomm kuntatt man-nies, dejjem u kull ħin. Hu enfasizza li l-poplu qed ifittex bidla, u huwa għalhekk li l-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jitgħallem u jisma’ lill-poplu sabiex il-politika tibqa’ ħajja.

Bernard Grech insista li l-frott ta’ din il-ħidma tant viċin in-nies, deher biċ-ċar fir-riżultati tal-kunsilli lokali – hekk kif il-Partit Nazzjonalista żied fil-voti b’mod sostanzjali f’diversi lokalitajiet madwar pajjiżna.

Kien hawn li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista tenna li l-Partit Nazzjonalista huwa wieħed li dejjem jikber u jiġġenera ruħu, b’numru ta’ kunsilliera eletti matul l-għadd tal-voti tal-Erbgħa jkunu ta’ etajiet varji, u anke ġodda. Filwaqt li numru ta’ kunsilliera oħra jkunu diġà servew il-lokalitajiet ta’ pajjiżna.

Huwa enfasizza wkoll id-differenza bejn iż-żewġ partiti. Partit Nazzjonalista li għandu viżjoni u żamm lin-nies fiċ-ċentru tal-politika tiegħu. Partit Laburista li saħanistra attakka l-ħaddiema f’Malta u Għawdex.

Bernard Grech spjega li b’dawn ir-riżultati l-Partit Nazzjonalista għandu aktar kuraġġ sabiex ikompli jaħdem, filwaqt li jilqa’ r-riżultat b’responsabbiltà kbira.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista spjega wkoll li l-ħaddiema Maltin u Għawdxin għandu jkollhom qasam li jixraqilhom, fejn għamel referenza għas-sitwazzjoni li jinsabu l-għalliema fiha – bi ftehim settorjali li għadu qed jiġi diskuss wara ħafna snin. Hu spjega wkoll li l-Gvern issa qed juri li huwa wieħed bla pjan u soluzzjonijiet, u dan ħareġ ċar fil-wegħdiet li saru mill-Gvern Laburista, wegħdiet li sfaw fix-xejn.

Bernard Grech irringrazzja lil kull min b’xi mod kellu x’jaqsam fl-elezzjonijiet ta’ din il-ġimgħa.