SAN PAWL IL-BAĦAR: Maġġoranza Nazzjonalista f’din il-lokalità.
Anke r-residenti ta’ San Pawl il-Baħar iwasslu messaġġ b’saħħtu lill-Gvern ta’ Robert Abela, wara ħames snin ta’ telqa minn Kunsill b’maġġoranza Laburista.
SAN ĠILJAN: Il-Partit Nazzjonalista jżomm il-maġġoranza f’San Ġiljan, bi Guido Dalli jkun ikkonfermat Sindku ta’ din il-lokalità.
IL-MELLIEĦA: Il-Partit Laburista jitlef il-maġġoranza fil-Kunsill Lokali tal-Mellieħa.
ĦAŻ-ŻEBBUĠ: Il-Partit Laburista jitlef siġġu fil-kunsill lokali ta’ din il-lokalità u b’hekk tilef il-maġġoranza f’dan il-kunsill.
IKLIN: Il-Partit Nazzjonalista jżomm il-maġġoranza.
BIRŻEBBUĠA: Il-Partit Laburista jitlef siġġu fil-kunsill lokali ta’ din il-lokalità. Filwaqt li l-Partit Nazzjonalista jikseb siġġu fil-kunsill.
VALLETTA: Jirnexxi l-pjan biex itajru minn nofs lis-Sindku Alfred Zammit. Olaf McKay jirbaħ din l-elezzjoni, u jegħleb lil Zammit – li issa sar Viċi Sindku.
ĦAD-DINGLI: Il-Partit Nazzjonalista jżid siġġu fil-lokalità ta’ Ħad-Dingli wara żieda sostanzjali fil-voti, b’Jean Paul Barbara u Jeantoin Magri jkunu żewġ kunsilliera ġodda f’din il-lokalità. Barbara jkun ikkonfermat Minority Leader ta’ dan il-kunsill.
ĦAL BALZAN: Il-Partit Nazzjonalista jżomm il-maġġornaza tiegħu fil-kunsill lokali ta’ din il-lokalità. Angelo Micallef ikun ikkonfermat Sindku ta’ Ħal Balzan.
F’din il-lokalità il-PN żied siġġu, u għandu Viċi Sindku ġdid f’isem il-Partit Nazzjonalista, Edward Grech.
IŻ-ŻURRIEQ: Il-Partit Nazzjonalista jżid siġġu fil-Kunsill Lokali taż-Żurrieq.
IL-QRENDI: Il-Partit Nazzjonalista jżid siġġu fil-lokalità tal-Qrendi; Nina Briffa eletta fil-Kunsill ta’ din il-lokalità bħala l-iżgħar kunsilliera.
GĦAJNSIELEM: Il-Partit Nazzjonalista jżomm il-Kunsill Lokali ta’ Għajnsielem, b’Kevin Cauchi jkun ikkonfermat Sindku ta’ din il-lokalità.
IX-XEWKIJA: Il-PN iżid siġġu fix-Xewkija; eletti ż-żewġ kandidati Nazzjonalisti li kkontestaw.
IN-NADUR: Riżultat pożittiv għall-kandidati Nazzjonalisti hekk kif ġabu l-maġġoranza tal-voti filwaqt li ġiet innotata wkoll żieda fil-votanti fuq il-ħames snin illi għaddew. Edward Said ġab il-maġġoranza tal-voti u b’hekk se jkun is-Sindku ta’ din il-lokalità.
IL-FONTANA: Il-Partit Nazzjonalista ġab il-maġġoranza tal-votanti ta’ 51.7% biex b’hekk dan ir-raħal se jkollu tmexxija Nazzjonalista. Thomas Mizzi se jkun is-Sindku l-ġdid għal din il-lokalità.
L-GĦASRI: Jidher li l-maġġoranza tal-votanti fl-Għasri qed ixxeqleb lejn il-Partit Laburista.
PEMBROKE: Ikkonfermat il-Kunsill Lokali f’Pembroke, bil-maġġoranza tal-kunsilliera f’dan il-Kunsill ikunu mill-Partit Laburista, b’distakk ta’ anqas minn 20 vot bejn iż-żewġ partiti. Fejn l-ewwel projections kienu juru li l-Partit Laburista għandu 50.9% tal-voti filwaqt li l-Partit Nazzjonalista għandu 49.1%, bil-Partit Nazzjonalista jżid b’mod sostanzjali l-voti tiegħu.
L-IMQABBA: Il-lokalità tal-Imqabba tibqa’ b’maġġoranza Laburista.
IL-MARSA: Il-PN jeleġġi lil Gloria Aquilina bħala kunsilliera ġdida fil-Kunsill Lokali.
Iktar kmieni:
Beda l-proċess tal-għadd tal-voti ta’ 23 lokalità sabiex mal-155 kunsilliera jieħdu s-siġġijiet tagħhom fil-Kunsilli Lokali. B’kollox, fit-tlett ijiem li ġejjin għandhom jiġu eletti 471 kunsillier f’total ta’ 67 lokalità, 53 f’Malta u 14 f’Għawdex.
Fis-2pm infetħu 230 kaxxa ta’ numru ta’ lokalitajiet biex beda l-proċess li kull polza ta’ vot tinqaleb wiċċha ‘l isfel.
Imbagħad, għall-ħabta tal-4pm, l-AECs mistennija jibdew juru kull polza ta’ vot lill-aġenti tal-partiti. Ftit ħin qabel il-bidu ta’ din il-fażi, NET Television se jkun qed ixandar programm speċjali sabiex jagħti l-iżviluppi kollha b’rabta mal-għadd tal-voti, b’għadd ta’ ġurnalisti li se jkunu preżenti biex jaġġornaw b’mod dirett dak li jkun qed iseħħ, kemm permezz ta’ kollegamenti u anke b’intervisti.
Wara li jitlesta dan il-proċess, ikun imiss li kull polza ta’ vot tgħaddi mill-iscanner u ftit wara l-4pm jibdew ħerġin l-ewwel riżultati ta’ għadd ta’ lokalitajiet li huma żgħar fil-popolazzjoni tagħhom.
L-ewwel riżultati mistennija jkunu dawk tal-Għasri u tal-Fontana hekk kif dawn għandhom biss kaxxa waħda u tnejn, rispettivament.
Din hi l-lista kollha ta’ lokalitajiet li se jibda l-proċess tagħhom illum stess:
- Fuq l-ewwel mejda: Birżebbuġa (14-il kaxxa)
- Fuq it-tieni medja: San Ġiljan (14-il kaxxa)
- Fuq it-tielet mejda: Ħal Tarxien (13-il kaxxa) u Iklin (6 kaxxi)
- Fuq ir-raba’ mejda: Iż-Żurrieq (18-il kaxxa)
- Fuq il-ħames mejda: San Pawl il-Baħar (26 kaxxa)
- Fuq is-sitt mejda: Pembroke (6 kaxxi) u Ta’ Xbiex (3 kaxxi)
- Fuq is-seba’ mejda: Santa Venera (12-il kaxxa) u Għajnsielem (6 kaxxi)
- Fuq it-tmien mejda: Il-Mellieħa (16-il kaxxa)
- Fuq id-disa’ mejda: Iż-Żejtun (17-il kaxxa) u L-Imqabba (5 kaxxi)
- Fuq l-għaxar mejda: Il-Belt Valletta (11-il kaxxa) u l-Qrendi (5 kaxxi)
- Fuq il-ħdax-il medja: Ħaż-Żebbuġ (20 kaxxa) u n-Nadur (8 kaxxi)
- Fuq it-tnax-il mejda: Il-Marsa (8 kaxxi), il-Fontana (2 kaxxi) u Ħal Balzan (7 kaxxi)
- Fuq it-tlettax-il mejda: Ħad-Dingli (6 kaxxi), l-Għasri (kaxxa), u x-Xewkija (6 kaxxi)
Ritratti: Matthew Tabone/Martin Agius
//= $special ?>