Lokali

Sebat ijiem b’taħlita ta’ xita, sħab u xemx

F’dawn il-jumejn qed ikun imbassar li possibbilment traxxax xi ftit ix-xita biex imbagħad tmiem il-ġimgħa jibdew jiem sħaħ xemxin b’temperaturi li mistennija jitilgħu sa 32°C.

Fil-fatt, skont l-Uffiċċju Meteoroloġiku fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, qed ibassar il-possibbiltà tax-xita nhar l-Erbgħa u l-Ħamis, biex imbagħad nhar il-Ġimgħa jkollna temp li fil-maġġorparti tiegħu se jkun xemxi bi ftit sħab.

Imbagħad, mis-Sibt ‘l hemm jidher li se jkun kuljum xemxi bl-ogħla temperatura sat-Tlieta se titla’ għal 32°C u l-inqas temperatura li se tinżel filgħaxija se tkun ta’ 20°C nhar is-Sibt.

Minkejja li fil-jumejn fejn possibbilment tagħmel ix-xita, ftit li xejn se naraw ix-xemx, l-indiċi UV xorta waħda se tkun għolja tant li se titla’ għal 10. Fil-ġranet ta’ wara, l-indiċi UV se tkun qed tvarja bejn 8 u 9.

Ir-riħ mhux se jkun kiefer għal dawn il-jiem tant li ma jidhirx li għandu jonfoħ iktar minn forza 3, bid-direzzjoni tar-riħ li se tkun qed tinbidel tant li tvarja sew.