Lokali Parlament

Tas-Sliema, San Ġiljan u Paceville għandhom ikunu trattati differenti minħabba l-piżijiet tat-turiżmu


Albert Buttigieg, PN


Id-deputat Nazzjonalista Albert Buttigieg qal fil-Parlament li Tas-Sliema, San Ġiljan u Paceville għandhom ikunu trattati differenti minħabba l-piżijiet tat-turiżmu.


Albert Buttigieg qal li jeħtieġ isir studju dwar iz-zona ta’ San Ġiljan, Tas-Sliema u Paceville u dwar kemm dawn jifilħu iktar żvilupp u turisti.


Hu kompla li l-privat qed jinvesti bil-kbir f’dawn iz-zoni iżda m’hemmx l-istess investiment mill-gvern. Il-Bajja ta’ San Ġorġ hi Blue Flag iżda din qed tkun kontaminata bid-drenaġġ. Dan qed iseħħ ukoll fil-Bajja tal-Balluta.


Jirriżulta li f’diversi lokaliatjiet bħal San Pawl il-Baħar u Buġibba qed isir xi iinvestiment, iżda Tas-Sliema, San Ġiljan u Paceville ħadu biss loqom. Il-Ministru tat-Turiżmu mhuwiex biss il-ministru tad-distrett tiegħu imma ta’ Malta kollha.


Hu tkellem dwar l-istat diffiċli jinsab fih Paceville minħabba munzelli ta’ skart impoġġi kullimkien. Jeħtieġ li l-appartamenti fiz-zona ta’ San Ġiljan għal perjodu qasir ikunu regolarizzati minħabba li dawn qed joħorġu l-iskart f’ħinijiet ħżiena.


Id-deputat Nazzjonalista appella biex il-gvern ma jikkunsidrax Tas-Sliema, San Ġiljan u Paceville bħal lokalitajiet oħrajn għaliex dawn qed iġorru piżijiet kbar minħabba t-turiżmu. L-MTA għandha tagħmel il-pressjoni tagħha biex ikun hemm l-infurzar meħtieġ.


Problema kbira oħra li hemm f’din z-zona hi n-nuqqas ta’ sigurtà partikolarment f’Paceville li llum m’għadux post sigur. Hu qal li f’Paceville hemm problema ta’ kriminalità.


Dwar il-problema tal-imwejjed u s-siġġijiet, Albert Buttigieg qal li m’hemmx bilanċ bejn in-nies u s-sidien tar-ristoranti. Kollox sar jgħaddi u hemm żbilanċ kontra r-residenti.


Malta mhijiex Ibiza u m’għandhiex tkun riklamata b’dan il-mod, sostna d-deputat Nazzjonalista.