Lokali

Wara r-riżenja ta’ Micallef il-Laburisti jduru għal Randolph Debattista “Fejn sparixxa?”

“Nistenna li jerfa’ responsabbiltà tar-riżultat” – Neville Gafà

Qed tkompli tidher aktar evidenti l-qasma li hemm fi ħdan il-Partit tal-Labour wara d-disfatta elettorali ta’ nhar is-Sibt.

Wara r-riżenja tad-Deputat Mexxej tal-Labour Daniel Micallef, issa l-kanuni bdew iduru kontra l-Kap Eżekuttiv u Deputat Laburista Randolph Debattista.

Kien l-esponent Laburista Neville Gafà, fost oħrajn, li indirizza lil Debattista fuq Facebook fejn indirizzah bħala wieħed li għal grazzja t’Alla qatt ma kiel kirxa miegħu u insista biex ikun hu wkoll li jerfa’ responsabbiltà politika llum qabel għada.

Gafà sostna li kien qed jistenna li hu jkun minn tal-ewwel li jirriżenja wara r-riżultati li kiseb il-Labour ta’ Abela jumejn ilu wara għajta qawwija biex il-poplu jagħtih mandat sod.

Huwa insinwa li Debattista għalaq il-bibien tal-Partit lil diversi attivisti Laburisti għax kienu leali lejn it-tmexxija ta’ Joseph Muscat – attakkah li warrab lil numru ta’ persuni li kienu diġà attivi fil-Labour waqt li hu kien għadu bil-ħarqa u l-gażaża.

Dan filwaqt li staqsh għal apoloġija wara li l-Labour sofra emoraġija ta’ voti u staqsieh fejn sparixxa.

Intant, fil-kummenti, bosta attakkaw lil Debattista u l-partner tiegħu Cyrus Engerer “opportunisti u mhux Laburisti!”, oħrajn qalu li Randolph mhux parti mill-partit tagħhom u li hu Ġuda.

Dan filwaqt li wħud qalu li wara li jwarrab Debattista, trid twarrab ukoll il-President Ramona Attard għax saħqu li għamlet ħsara lill-partit.

Finalment kien hemm min saħansitra qalu li Randolph Debattista kien wieħed mill-iżbalji ta’ Robert Abela.