Sport

Kampjonat tal-atletika mill-aqwa qabel l-Olimpijadi ta’ Pariġi

Is-26 Edizzjoni tal-Kampjonat tal-Ewropa tal-Atletika ntemmet fi Stadio Olimpico f’Ruma fil-preżenza għat-tieni ġurnata konsekuttiva tal-President tal-Italja, Sergio Mattarella. Kampjonat mill-aqwa qabel l-Olimpijadi ta’ Pariġi bis-sorpriża ewlenija tkun l-Italja bir-rebħ ta’ 11-il midalja tad-deheb, 9 tal-fidda u 4 tal-bronż għal total qatt milħuq ta’ 24 midalja. Wara l-Italja, kien hemm Franza, ir-Renju Unit, in-Norvegja u l-Iżvizzera b’4 midalji tad-deheb kull wieħed.

F’dawn il-Kampjonati kkompetew 1,559 atleta minn 48 pajjiż, b’27 pajjiż rebħu xi midalja.

Jakob Ingebrigsten tan-Norveġja, rebaħ l-1500 metru fuq Joachim Vermuller tal-Ġermanja u Pietro Arese tal-Italja.

 Fil-long jump tan-nisa, kien hemm is-suċċess għal Malaika Mihambo, tal-Ġermanja, b’7.22 metri qabel Larissa Iapichino, tal-Italja, b’6.84 metri.

 Fir-relay 4 X 400 metru tan-nisa, kien hemm ukoll is-suċċess tal-Olanda qabel il-Ġermanja u l-Belġju.

 Fil-finali tar-relay 4 X 400 metru tal-irġiel, fl-ewwel post kien hemm il-Belġju qabel l-Italja u l-Ġermanja.

 Fl-aħħar ġurnata, fil-pole vault, Armand ‘Mondo’Duplantis tal-Iżvezja ma ddiżappuntax meta għamel ir-rekord tal-Kampjonat b’6.10 metru qabel Emaniouli Karalis tal-Greċja b’5.82 metru.

Fir-relay tan-nisa 4 X 100 metru, kien hemm is-suċċess għar-Renju Unit b’Dina Aasher Smith, Desiree Henry, Amy Hunt u Daryll Neita li ġew l-ewwel post qabel Franza u l-Olanda.

Il-finali relay tal-irġiel tal-4 X 100 metru, assistejna għad-dominju mill-Italja, champions Olimpici fl-2020 f’Tokjo u midalja tal-fidda fil-Kampjonati tad-Dinja f’Eugene. L-Italja, permezz ta’ Matteo Melluzzo, Marcel Jacobs, Lorenzo Patta u Filippo Tortu temmew f’37.82 sekondi qabel l-Olanda u l-Ġermanja.

L-edizzjoni li jmiss tal-Kampjonati tal-Ewropa tal-Atletika se ssir fl-2026, f’Birmingham .