Lokali

EDITORJAL TIMES: Abela jrid jieqaf iwaħħal f’ħaddieħor – Il-poplu tkellem ċar

Għandna Prim Ministru li jdur

Robert Abela għandu jpoġġi l-interessi tal-pajjiż qabel dawk tal-Partit Laburista – jrid jieqaf iwaħħal f’kulħadd, ħlief fih innifsu.

Dan saħqu l-editur tal-ġurnal Times of Malta fejn spjega li l-votant wassal messaġġ ċar – li mhux se jibqa’ jinxtara biċ-ċekkijiet, b’retorika politika u wegħdi li jsiru minn Gvern li jħoss jista’ jagħmel li jrid bi flus il-poplu.

Fl-editorjal intqal li Abela issa jaf li l-elettorat mhux magħmul minn persuni li jibilgħu dak kollu li jgħid hu, u li jista’ jimmanipula lil kulħadd bi kliemu.

L-editur ċanfar kliem il-Mexxej tal-Labour meta qal lill-partitarji tiegħu biex ma jkunux arroganti. Dan hekk kif hu nnifsu kien ordna lill-grupp parlamentari tiegħu biex jivvotaw kontra inkjesta pubblika waqt li l-poplu kollu kien qed jappella għaliha.

Kontinwament Robert Abela ħareġ għonqu biex jiddefendi politiċi li jagħmlu parti mil-Labour wara li nqabdu jiksru l-etika… imbagħad jispiċċa jagħmel u-turn meta jkun tard wisq.

L-editur insista li dan huwa Prim Ministru li vvinta l-karattru immaġinarju tal-establishment li qed jaħdem kontra l-Gvern tiegħu, li jdur għal popoliżmu tal-erba’ soldi biex jirbaħ il-voti u jwerwer lill-partitarji tiegħu.

Robert Abela, kompla l-editorjal, huwa Mexxej ta’ pajjiż li akkuża lill-ġudikatura b’terroriżmu politiku, Prim Ministru li ddeskriva lill-President tal-Parlament Ewropew bħala mara li tixtieq biss il-gwerra minħabba l-fatt li tkellmet fuq difiża Ewropea li, ironikament, hu stess kien ivvota favuriha.

L-editorjal sostna li l-pajjiż qed jibki għall-bidla, kontra l-klijenteliżmu, l-iżvilupp żejjed u l-isfaxxar tal-meritokrazija.

L-editur temm jgħid li qabel jaġixxi, Robert Abela jrid jitgħallem jaħseb… għaliex aktar tard se jkun qed jerġa’ jiġġudikah il-poplu.