Il-kelliema għall-grupp Ħamas ċaħdu li din l-entità terroristika qed tostakola ‘bi ħsieb’ l-aħħar proposta għall-waqfien mill-ġlied fil-Medda ta’ Gaza.
Il-Ħamas ilu mis-7 ta’ Ottubru għaddej bil-gwerra mal-qawwiet ta’ Iżrael u fl-aħħar sigħat insista li ‘wera livell ta’ pożittività’ fir-rigward tan-negozjati lejn il-waqfien tal-battalji kontinwi.
Dan wara li s-Segretarju tal-Istat Amerikan, Antony Blinken, ikkritika lill-Ħamas talli qed iżomm lura milli jaċċetta l-proposta u proposti oħrajn simili biex iċ-ċivili ta’ Gaza jieħdu ftit tan-nifs wara xhur ta’ dmija u qerda.
Il-Ħamas, intant, ikkundanna lil Iżrael għall-fatt li l-ebda mill-mexxejja tiegħu ma lissen kelma waħda ta’ approvazzjoni uffiċjali għall-proposta li kien ressaq il-President Amerikan Joe Biden, fil-31 ta’ Mejju.
Dan minkejja li Antony Blinken tenna kemm-il darba li l-Iżraeljani aċċettaw il-proposta għall-waqfien mill-ġlied u li d-dikjarazzjoni tal-President Biden, fil-fatt, ibbażat fuq ‘pjan li kienu fasslu l-istess Iżraeljani’.
Qed jidher ukoll li l-Istati Uniti tinsab frustrata bin-nuqqas ta’ reazzjonijiet konkreti min-naħa tal-Ħamas. Fl-aħħar sigħat ukoll issemmew xi emendi għall-proposta mressqa mill-Ħamas u li kienu miċħud mill-Amerikani u Iżrael.
Blinken sostna li t-tendenzi tal-Ħamas biex jibdel kontinwament id-domandi tiegħu juru, fil-fatt, li l-grupp tat-terroristi mhux qed juri rieda ġenwina għall-paċi.
Min-naħa tagħhom, il-kelliema għall-Ħamas komplew jinsistu li Iżrael fl-ebda ħin ma stqarr jew pubblika messaġġ biex jgħid li qed jaċċetta l-pjan tal-Istati Uniti għal Gaza – inkella r-riżoluzzjoni ta’ appoġġ ( għall-proposta) min-naħa tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti.
//= $special ?>