KONFERMATA WAQT XHIEDA FIL-QORTI GĦAL DIVERSI DRABI: Ma kien hemm l-ebda rieda min-naħa tal-Kummissarju tal-Pulizija u dan kollu bi qbil mal-Avukat Ġenerali biex il-Pulizija ma tinvestigax lil Joseph Muscat, Konrad Mizzi u Keith Schembri u diversi persuni oħra b’rabta mas-serqa tal-isptarijiet.
L-Ispettur Wayne Rodney Borg, ix-xhud ewlieni, qal li d-deċiżjoni li ma jinvesigawx il-każ ittieħdet mill-Korp tal-Pulizija, primarjament mill-Kummissarju tal-Pulizija, l-Assistent Kummissarju Fabian Fleri, is-Supretendent Hubert Cini, flimkien miegħu.
“Id-deċiżjoni li ma ssirx investigazzjoni mill-Pulizija kienet waħda kollettiva mill-uffiċċju tal-Pulizija u mill-Avukat Ġenerali”, qal l-Ispettur li kien qed iwieġeb ħemel ta’ mistoqsijiet tal-Avukati ta’ 14-il akkużat u diversi kumpaniji mixlija b’diversi akkużi.
Quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello kompla l-każ fil-konfront ta’ Joseph Muscat, Konrad Mizzi u Keith Schembri u oħrajn, ġimagħtejn wara li ġew akkużati b’reati serji b’rabta mad-deal frawdolenti tal-isptarijiet tal-gvern mal-Vitals Global Healthcare. Huma kienu tressqu l-Qorti għall-ewwel darba fit-28 ta’ Mejju.
Bil-maqlub ta’ 15-il ġurnata ilu, kollox kien trankwill barra l-bini tal-Qorti. Kollox normali u ma kienx hemm partitarji leali lejn Joseph Muscat ixejru l-imkatar ta’ żmien Dom Mintoff biex jagħti l-appoġġ tiegħu lil Joseph Muscat, anke jekk is-sigurtà madwar il-Qorti hija waħda qawwija.
Il-prosekuzzjoni ma kellhiex ċans tressaq il-provi tagħha u xhieda l-Ħamis, fl-ewwel seduta fil-kumpilazzjoni tal-provi kontra l-Eks Prim Ministru Joseph Muscat, l-Eks Ministru Laburista għall-Enerġija u s-Saħħa Konrad Mizzi, u l-Eks Chief of Staff ta’ Muscat, Keith Schembri, kif ukoll 11-il individwi oħra u disa’ kumpaniji. Dan għaliex prattikament, l-Ispettur Wayne Rodney Borg intalab mill-avukati tad-difiża jgħid x’investigazzjoni għamlet il-Pulizija.
Dan dejjem irrepera li l-Pulizija m’għamlet xejn u straħet biss fuq l-inkjesta Maġisterjali. Minbarra akkużi ta’ ħasil ta’ flus, frodi u konfoffa, Joseph Muscat u Konrad Mizzi qed jiffaċċjaw akkużi li aċċettaw tixħim u korruzzjoni f’karigi pubbliċi, filwaqt li Schembri qed ikun akkużat b’reati relatati ma’ ftehim ta’ tixħim u abbuż mill-kariga tiegħu biex jesiġi vantaġġ illegali.
Brian Tonna u Karl Cini ta’ Nexia BT huma akkużati flimkien mal-kumpanija tagħhom, li xjentement għenu lil Muscat biex jaċċetta tixħim. Ir-rappreżentant legali ta’ Steward Malta Management, l-avukat David Joseph Meli, huwa mixli kemm fil-kapaċità personali tiegħu, kif ukoll bħala rappreżentant ta’ Steward Malta Management Ltd, li kkorrompa uffiċjali pubbliċi, li jinkludu lil Muscat, Schembri u Mizzi.
Il-maniġer tal-IT il-Britanniku ta’ Steward, il-Britanniku Clarence John Conger-Thompson u l-awditur tiegħu, Christopher Spiteri, huma akkużati wkoll b’reati relatati mat-tixħim. Spiteri waħdu huwa akkużat ukoll li aġixxa b’diżonestà kbira fit-twettiq tal-attività professjonali ta’ awditur jew accountant, kif ukoll li għamel dikjarazzjonijiet foloz lil awtorità pubblika, li kiser is-segretezza professjonali u li ħalla barra jew li għamel dikjarazzjonijiet tat-taxxa foloz għall-imprenditur Pakistani Shaukat Ali Chaudhry u membri tal-familja ta’ Chaudhry.
Huwa qed jiġi akkużat ukoll li għamel falz quddiem l-inkjesta maġisterjali. Spiteri fil-kapaċità personali tiegħu kif ukoll ta’ awditur, flimkien ma’ Jonathan Vella, il-fornitur ta’ tagħmir mediku lil Ivan Vassallo u sieħbu fin-negozju Mario Victor Gatt, huma akkużati b’kontabbilità falza, kemm fil-kapaċitajiet personali tagħhom kif ukoll bħala rappreżentant ta’ Technoline Ltd u Eurybates. Ltd.
Spiteri jinsab akkużat ukoll, fil-kapaċità personali tiegħu kif ukoll ta’ awditur, flimkien ma’ Jonathan Bondin u David Meli, bħala rappreżentanti ta’ MTrace p.l.c. u Gateway Solutions Ltd, billi xjentement għamlu dikjarazzjonijiet foloz lil awtorità pubblika biex tikseb vantaġġ illeċitu. Adrian Hillman ukoll huwa akkużat b’rabta ma’ dawn l-akkużi.
F’seduta ta’ tliet sigħat u nofs li kien fiha ħafna interuzzjonijiet, saru diversi argumenti dwar il-prima facie u x-xogħol li suppost wettqu il-Pulizija, bl-avukati difensuri jkollhom xalata fuq il-punt li l-Pulizija ma għamlet xejn.
Mistoqsi min mill-AĠ kien ħadem mal-Ispettur Borg fuq kif waslu għall-akkużi, l-istess Borg qal li dawn saru mill-prosekuturi kollha preżenti fil-Qorti il-Ħamis. Fuq l-akkużi fuq ħasil ta’ flus u fuq ir-rikavat u fejn sab dan kollu, ix-xhud qal li ma sab xejn u straħu biss fuq dak li ngħad u ħareġ mill-Maġistrat inkwerenti u li hemm lok ta’ akkużi.
Mistoqsi fuq liema bażi u ta’ xiex ħarġu l-akkużi, l-Ispettur Borg jerġa’ jagħtli l-istess tweġiba – dik li qagħdu fuq l-inkjesta u qal lanqas ma għamlu checking mal-BOV fuq il-ħasil ta’ flus. Kulma għamlu l-Pulizija kien li wasslu 78 kaxxa fl-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u li fihom ma jafux x’hemm.
L-Avukat Franco Debono saħaq li jrid li jkollu l-kompożizzjoni sħiħa tal-inkjesta biex wieħed jasal għal prima facie (biżżejjed provi biex jitqiegħdu taħt att ta’ akkuża). Saret talba wkoll dwar l-esperti maħtura fejn ingħad li dawn m’għandhomx għarfien tal-liġi Maltija u għalhekk mhumiex ammissibbli.
It-tim tad-difiża hu komposta mill-Avukati Stefano Filletti, Jason Grima, Arthur Azzopardi, Sean Zammit, Mark Vassallo, Edward Gatt, Marion Camilleri, Franco Debono, Chris Cilia, Dean Hili, Veronique Dalli, Andrè Portelli, Giannella de Marco, Charles Mercieca, Stephen Tonna Lowell, Vincent Galea, Rachel Powell, Charlon Gouder, Dominic Micallef, Ishmael Psaila u Etienne Borg Ferranti, Shazoo Ghaznavi, David Bonello, Alex Scerri Herrera, Jessica Formosa u Jeannine Depasquale.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukati tal-AĠ Francesco Refalo, Rebekah Spiteri, Shelby Aquilina u Anthony Vella, is-Supretendent Fabian Fleri u l-Ispetturi Hubert Cini u Wayne Rodney Borg.
SEGWI DAK LI ĦAREĠ MILL-QORTI
14:55: Il-Maġistrat Montebello qalet li l-kawżi se jkomplu fid-19 ta’ Ġunju fil-11am meta se tisma’ xi xhieda biex tiddeċiedi fuq il-prima facie, seduta oħra l-għada fl-20 ta’ Ġunju fl-10.30 am, u oħra fil-25 ta’ Ġunju fl-10am.
14:47: Intalab ukoll li jixhed rappreżentant tal-Malta Business Registry (MBR). L-Avukat Arthur Azzopardi għamel talab biex jixhed espert partikolari li huwa Miroslav Milenevic. Din it-talba kienet miċħuda mill-Qorti fejn qalet li skont il-liġi ma jistax isir il-kontroeżami tagħhom.
14:44: L-Avukat Franco Debono qal li r-rwol tal-Avukat Ġenerali nbidel. L-Avukat Charles Mercieca qabel u qal li l-AĠ għandu l-poteri li jordna investigazzjoni u għalhekk it-talba għandha tintlaqa’.
14:40: Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat għal din it-talba għax l-akkużi huma ċari fejn dawn ħarġu mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali
14:37: Il-Qorti tilqa’ t-talba tad-Difiża biex fis-seduta li jmiss, jixhed l-Eks Spettur Anthony Scerri. L-Avukat Stefano Filletti talab biex dawk kollha involuti fil-Korp tal-Pulizija li ffirmaw l-akkużi, jixhdu fil-Qorti. Din biex ikompki jsaħħaħ il-validità tal-akkużi moqrija fil-Qorti. Din it-talba saret b’mod kolleġġjali.
14:29: Il-Maġistrat tfakkar li s-seduta bilfors trid tintemm fit-3pm. L-avukat Jason Grima staqa lill-Ispettur Borg jekk jafx li Jonathan Vella kienx ġie mitkellem mill-Pulizija, bix-xhud jgħid li ma jaħsibx li ġie mitkellem.
L-avukat Franco Debono jistaqsi jekk ġewx mitkellema r-rappreżentanti ta’ Sciacca Grill, u Borg iwieġeb l-istess. L-avukat Chris Cilia jistaqsi lil Borg jekk saritx investigazzjoni ulterjuri dwar il-kumpanija MTrace, u Borg jirrispondi fin-negattiv. L-avukat Jason Grima jitlob lill-Qorti tordna biex jixhed l-Eks Spettur Anthony Scerri. Minn naħa tiegħu, l-avukat Franco Debono jisħaq li l-klijenti tiegħu ma ġewx mitkellma matul l-inkjesta u li nkiser id-dritt tagħhom biex il-każ kontrihom jinstema’ fi żmien xieraq.
14:25: L-avukat staqsa lix-xhud dwar kif wasalt għall-ammont ta’ €30 miljun”. Il-maġistrat emendat il-mistoqsija: “Għaliex elenkajt dak l-ammont?” L-ammonti ħarġu mill-inkjesta u kienu ssuġġeriti mill-AĠ, wieġeb l-Ispettur Borg mill-pedana tax-xhieda. Fuq mistoqsijiet tal-avukati l-oħra, ix-xhud qal li ma saret l-ebda investigazzjoni lanqas fil-konfront tal-akkużati l-oħra,
Dr. Galea irrimarka li kellu jiċċara jekk fassalx l-akkużi waħdu jew mal-AĠ, u jistaqsi min mill-AĠ kien ħadem miegħu fuqhom. Il-prosekuturi kollha preżenti fil-Qorti llum, huwa wieġeb. Il-Maġistrat ċanfret lill-avukat, u qaltlu li l-mistoqsijiet tiegħu kellhom ikunu ta’ għajnuna għad-difiża tal-klijent tiegħu, u mhux biex jissodisfaw il-kurżità tiegħu.
Dr. Galea qal li fil-bidu kien fehem lix-xhud qed jgħid li bbaża ruħu bl-addoċċ fuq il-konklużjonijiet tal-inkjesta, iżda issa ma kienx ċar jekk ħax dik id-deċiżjoni waħdu jew wara konsultazzjoni ma’ xi ħadd ieħor. “Id-deċiżjoni ttieħdet bil-konsultazzjoni tal-AG u s-superjuri tiegħi,” jirribatti x-xhud.
14:15: L-Ispettur Borg qal li kien obbligat jiffirma l-lista ta’ akkużi. L-Avukat Vince Galea staqsa lill-Ispettur Borg jekk “straħx blindly” fuq dak li qalet il-Maġistrat Inkwirenti u ħax din id-deċiżjoni waħdu. Hawn Borg ikkonferma dak li kien qal u tenna li saret konsultazzjoni mal-Avukat Ġenerali u li kienet “deċiżjoni ħolistika” bejn il-Pulizija u l-AĠ. Tenna wkoll li qara ħafna mill-appendiċi tal-inkjesta iżda mhux kollha.
14:05: Fuq mistoqsija tal-Avukat Vince Galea li qed jidher għal Joseph Muscat, l-Ispettur Wayne Rodney Borg qal li d-deċiżjoni li ma jinvesigawx il-każ ittieħdet mill-Korp tal-Pulizija, primarjament mill-Kummissarju tal-Pulizija, l-Assistent Kummissarju Fabian Fleri u Supretendent Hubert Cini, flimkien miegħu. Id-deċiżjoni li ma ssirx investigazzjoni mill-Pulizija kienet waħda kollettiva mill-uffiċċju tal-Pulizija u mill-Avukat Ġenerali.
13:55: Fuq mistoqsija tal-Avukat Mark Vassallo li flimkien mal-Avukat Edward Gatt qed jidher għal Konrad Mizzi u Keith Schembri – l-Ispettur Borg qal li din kienet l-ewwel inkjesta involut fiha. Fuq mistoqsija tal-Maġistrat Rachel Montebello dwar għaliex ma bagħtux għall-akkużati u ma investigawx, l-Ispettur qal li straħu għalkollox fuq l-inkjesta.
13:50: F’domanda li għamlet l-Avukat de Marco, qalet li l-klijent għandu akkużi fuq ħasil ta’ flus u fuq ir-rikavat, u staqsie fejn sab dan kollu. Ma sab xejn u straħu fuq dak li ngħad li hemm lok ta’ akkużi. L-Avukat qalet lill-Ispettur fuq liema bażi ħarġu l-akkużi u abbażi ta’ xiex. B’mod ripetut ix-xhud qal li qagħdu fuq l-inkjesta u lanqas ma għamlu checking mal-BOV.
13:44: L-avukat Giannella de Marco tistaqsi lil Borg dwar ix-xhieda u Borg jirrispondi li jaf min xehed imma mhux x’xehdu. Tenna li qatt ma għen lil-Maġistrat Inkwerenti imma daħal f’dak li kellha bżonn fejn informa lilha fuq it-taħrikiet. Dwar il-klijent ta’ Dr. de Marco qal li ma għamel l-ebda analiżi fuq Mario Gatt u reġa’ rrepeta li straħ biss fuq l-inkjesta. Ħareġ l-akkużi u reġa’ tenna fuq dak li kien hemm fil-konklużjonijiet tal-inkjesta. Dwar x’investigazzjonijiet saru mal-banek, l-Ispettur qal li xejn.
13:40 L-avukat Jason Grima staqsa lil Borg jekk jafx dwar investigazzjonijiet li għamlu pulizija oħra dwar l-akkużati. Borg jibqa’ konsistenti u jgħid li ma jafx b’dan u l-Maġistrat ittenni li Borg ma jistax ikun jaf x’għamlu Spetturi oħra qablu. “Ma nafx jekk saritx investigazzjoni, imma sa fejn naf jien ma sar xejn, qal Borg.
13:25: Xehed L-Ispettur Wayne Rodney Borg mis-sezzjoni tar-Reati Ekonomiċi li ma investigax u qagħad biss fuq il-konklużjonijiet tal-inkjesta. Ma għamel xejn fejn jidħlu l-esperti. Mistoqsi mill-Avukat Filletti jekk tkellimx mal-klijent tiegħu Adrian Hillman. Ma ħassejtukomx obbligati li tistaqsuh xi ħaġa? Le għax imxejna mal-inkjesta tal-Maġistrat, kienet it-tweġiba. Qal li ma jaf bl-ebda Spettur tal-Pulizija ieħor li investiga dan il-każ.
Meta kompla jiġi ppressat, l-Ispettur Borg qal li l-Pulizija messet dawn il-kaxex biex tmexxihom mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali għand il-Qorti. Il-Maġistrat staqsietu x’kien l-involviment tal-Kummissarju tal-Pulizija f’dan il-każ. Borg jgħid li rċieva l-konklużjonijiet tal-inkjesta.
Fuq mistoqsija ta’ Dr. Franco Debono, l-Ispettur Borg reġa’ kkonferma li hu ma rriżultalu xejn għax il-Pulizija ma għamlet xejn, lanqas investigazzjoni paralleli. Qal li huwa ma rahx x’hemm fit-78 kaxxa u li l-Pulizija qatt ma rawhom. Esegwew biss il-ġarr ta’ dawn il-kaxxi.
13:20: Il-Qorti tiċħad it-talba tad-Difiża u tgħid li l-qari tal-akkużi, sew mill-Pulizija u sew mill-avukati tal-Avukat Ġenerali, huwa adegwat għal dan il-każ. Qalet li dan ma jiħux mill-validità tal-akkużi. Madankollu laqgħet it-talba tad-Difiża sabiex tinstema’ x-xhieda ta’ uffiċjal tal-Pulizija sabiex jispjega ruħu dwar l-investigazzjonijiet li saru.
13:18: L-avukat tal-AĠ Francesco Refalo, oġġezzjona għal din it-talba minħabba li skont il-liġi dan mhux l-istadju opportun,
13:15: Dr. Franco Debono jkompli jisħaq dwar il-prima facie u biex jixhed uffiċjal tal-Pulizija biex jixhed dwar l-investigazzjoni li għamlet il-Pulizija dwar dan il-każ. Huwa qal li dan qed isir b’mod kolleġġali. Debono jgħid li din hija “sitwazzjoni anomala” għaliex għadu ma xehedx l-Ispettur li mexxa l-investigazzjoni lkoll.
13:10: L-avukat tal-AĠ Francesco Refalo, beda jirreferi għal ġurisprudenza. Huwa jsostni li kien ġie stabbilit li l-qari tal-akkużi bil-ġurament issodisfa dan ir-rekwiżit.
13:05: Dr. Filletti talab ukoll lill-Qorti tobbliga li jitla’ jixhed l-uffiċjal investigattiv sabiex jieħu ġurament u jikkonferma r-rapport tal-investigazzjoni. Qal li qed jagħmel din it-talba li min ħalef l-akkużi jrid joqgħod għall-kontroeżami. Il-Maġistrat qalet li diġà saħqet qabel is-sospensjoni tas-seduta li ma setgħux isiru aktar talbiet illum.
Madankollu Dr. Filletti baqa’ jinsisti u beda jikkwota diversi partijiet mill-liġi. Il-Maġistrat tgħid li ma jistax ikun li d-difiża tkompli taħli l-ħin fejn suppost kien kulħadd ippreparat wara l-ewwel seduta. Filletti jkompli jisħaq fuq il-fatt u għamel nota f’isem il-kumplament tal-avukati difensuri, fejn jitlob formalment li l-uffiċjal tal-Pulizija investigatur jikkonferma r-rapport tal-investigazzjoni tiegħu bil-ġurament, kif stabbilit fil-Kodiċi Kriminali.
13:00. L-Avukat Stefano Filletti, għan-nom ukoll tad-difiża kollha, talab biex jittella’ uffiċjal investigattiv biex bil-ġurament jikkonferma r-rapport tal-investigazzjoni tiegħu kif inhu dettat skont il-liġi.
12:50: Toħroġ il-Maġistrat Montebello fl-awla biex tiddeċiedi dwar il-ħatra tal-esperti u bdiet taqra d-digriet. Tkkonferma l-ħatra tal-esperti u tiċħad it-talba tad-difiża. Il-Maġistrat tgħid li tkun qed tonqos lill-ġustizzja kieku tilqa’ t-talba tad-difiża.
11:58: L-Avukat Franco Debono jerġa’ jisħaq li jrid ikollu l-kompożizzjoni sħiħa tal-inkjesta biex wieħed jasal għal prima facie (biżżejjed provi biex jtqiegħdu taħt att ta’ akkuża). Il-Qorti qalet li l-punt ilha li ħaditu u hawn ħarġet mill-awla biex tiddeċiedi dwar it-talbiet. Qabel ma ħarġet qalet li se tirritorna madwar nofs siegħa oħra.
11:55: Rappreżentata tal-BOV qalet li ġew mitluba biex jippreżentaw statement of account ta’ Mario Victor Gatt għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2023 sal-lum. L-Avukat Giannella de Marco titlob biex tara l-istatement.
11:53: L-avukat Francesco Refalo, parti mill-Prosekuzzjoni minn naħa tal-AĠ, oġġezzjona għal din it-talba u qal li l-esperti kienu nħatru b’rispett lejn il-Kodiċi Kriminali. Tenna li l-Maġistrat Inkwirenti kienet iddeterminat liema reati għandhom jiġu akkużati bihom l-imputati. “Il-ħatra tal-esperti ma tistax tiġi attakkata f’dan l-istadju”, sostna Dr. Refalo.
11:50: L-Avukat Filletti qal li mill-inqas tlieta mill-erba’ esperti li rrappurtaw ikkonkludew ir-reati elenkati fil-Qorti Kriminali. “Il-ħatra ta’ espert hija maħsuba li tkun fuq il-bażi ta’ ħiliet jew għarfien speċjali li l-Qorti m’għandhiex. Id-deċiżjoni dwar jekk sarx reat jew le hija l-kompetenza unika tal-Qrati,” huwa saħaq. L-avukati Arthur Azzopardi, Jason Grima, Chris Cilia u Veronique Dalli qed jassoċċjaw ruħhom ma’ din it-talba.
11:45: Qal li numru ta’ esperti barranin li huwa elenka m’għandhomx l-esperjenza neċessarja dwar il-liġijiet ta’ Malta u dan fil-konfront tal-klijent tiegħu Adrian Hillman u dan bi ħsara għall-kodiċi kriminali u li din il-Qorti taqa’ fil-parametri tal-Qorti Kriminali u espert maħtur għandu jinħatar biss li jkollu teknika speċjalizzata li ma jkollhiex il-Qorti.
11:40 Dr. Franco Debono qal lill-Qorti li l-pożizzjonijiet tagħhom jekk jikkontestawx il-prima facie, jeħtieġu li jingħataw kopja sħiħa tal-kopji kollha tal-inkjesta għax sa issa qed jingħataw ftit ftit. Huwa talab biex jingħataw il-kopja tal-inkjesta fl-intier tagħha. L-Avukat l-oħra kollha jaqblu mal-Avukat Debono.
11.35: L-Avukat Stefano Filletti qed jagħmel sottomissjoni dwar l-esperti li għenu fl-inkjesta, filwaqt li fakkar lill-Qorti li d-difiża kienet irriżervat id-dritt li tagħmel dan fl-aħħar seduta. Mill-inqas tlieta mill-erba’ esperti rrappurtaw u kkonkludew dwar reati elenkati fil-Qorti Kriminali, jgħid Filletti.
“Il-ħatra ta’ espert hija maħsuba li tkun fuq il-bażi ta’ ħiliet jew għarfien speċjali li l-Qorti m’għandhiex. Id-deċiżjoni dwar jekk sarx reat jew le hija l-kompetenza unika tal-Qrati,” sostna Filletti.
11.26: Il-Maġistrat tavża lill-avukati tal-akkużati li l-kawża mhux se ddum aktar mit-3pm. Kollox qed isir fl-awla numru 22… l-akbar awla fil-bini tal-Qorti.
11.24: Toħroġ il-Maġistrat Rachel Montebello li qed tivverifika jekk hux kulħadd preżenti fl-awla.
11:18: Il-kawża kellha tibda fil-11am, imma sa issa l-Maġistrat Rachel Montebello għadha ma ħarġitx fl-awla. Kulħadd jinsab f’postu u kollox trankwill. Anke fuq barra kollox normali fejn m’hawnx pubbliku biex jagħti l-appoġġ tiegħu lil Joseph Muscat bħal kif ġara ħmistax ilu anke jekk is-sigurtà madwar il-Qorti hija waħda qawwija.
//= $special ?>