Internazzjonali

Il-G7: Il-Mexxejja jiddiskutu l-gwerer, l-ekonomija, l-immigrazzjoni u l-potenzjal tal-AI

Il-gwerer fl-Ukrajna u Gaza, flimkien ma’ issues oħrajn ta’ importanza globali, qed ikunu diskussi  waqt is-summit tal-G7 – il-50 wieħed fuq dan il-livell — li beda fl-Italja u li jkompli sa għada, is-Sibt.

Il-Prim Ministru Taljan Giorgia Meloni, li għadha friska mis-suċċessi tal-partit tagħha Fratelli D’Italia fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, fl-aħħar sigħat, tat merħba lill-Mexxejja tal-Kanada, Franza, ir-Renju Unit, l-Istati Uniti, il-Ġappun u l-Ġermanja  — bis-summit anki se jinvolvi l-mexxejja tal-Afrika u mir-reġjun Indo-Paċifiku.

Preżenti wkoll għat-taħditiet fl-Italja hemm Ursula von der Leyen, il-President tal-Kummissjoni Ewropea.

Mistenni li f’dawn il-jiem jispikkaw it-taħditiet dwar il-kooperazzjoni ekonomika bejn il-G7 u l-pajjiżi li qed jiżviluppaw. U għalkemm i l-G7 ma jistax jgħaddi liġijiet, hu minnu li wħud mill-aħħar deċiżjonijiet li ttieħdu matul is-summits tal-passat ħallew xorta impatt globali u sinifikanti għat-tul taż-żmien.

Wieħed mill-punti ewlenin fuq l-aġenda tas-summit — li qed isir f’Borgo Egnazia, fir-reġjun ta’ Apulia — hu proprju pjan biex l-aktar pajjiżi industrijalizzati tad-dinja jużaw l-assi friżati tar-Russja biex jiġġeneraw il-biljuni tad-dollari għall-Ukrajna biex tirreżisti l-invażjoni ta’ pajjiżha mill-qawwiet tal-Kremlin.

Xejn anqas importanti hi l-gwerra ta’ Gaza li wkoll għandha tkun suġġetta għad-diskuzzjonijiet imqanqla fl-Italja.

Dan wara li l-Mexxejja kollha tal-G7, qabel, kienu qablu mal-pjan għat-tmiem tal-gwerra fit-territorjuli kien ressaq il-President tal-Istati Uniti Joe Biden…Pjan li jesiġi għall-għajnuna akbar liċ-ċivili ta’ Gaza u, fuq kollox, impenn għall-ħelsien tal-ostaġġi li kienu nħatfu mit-terroristi tal-Ħamas waqt ir-rejds qattiela storiċi tas-7 ta’ Ottubru f’Iżrael.

Hemm, intant, indikazzjonijiet li l-issue tal-immigrazzjoni wkoll se tingħata importanza fuq l-aġenda tal-G7 u meta t-taħditiet mistennija jirreferu l-aktar għall-immigrazzjoni mill-kontinent Afrikan lejn l-Ewropa.

Intant, l-Italja qed titlob lill-potenzi oħrajn al-G7 biex jikkontribwixxu finanzjarjament għall-Pjan ta’ Mattei, introdott mill-istess pajjiż, u li jippermetti għal self u l-għoti ta’ grants lill-Istati Afrikani biex jiżviluppaw l-ekonomiji tagħhom.

Fl-istess ħin. iżda, ħafna analisti jemmnu li l-Italja – f’dan il-każ il-Gvern ta’ Meloni – qed tinsisti b’dan il-pjan biex taħbi l-vera skop …F’dan il-każ pjan għall-implimentazzjoni ta’ politika għall-kontrolli dejjem aktar riġidi tal-immigrazzjoni.

Mhux eskluż li, f’dan is-summit, il-pajjiżi jitrattaw anki l-pjan għal sigurtà ekonomika fuq bażi nazzjonali li l-Ġappun kien ressaq waqt il-G-7 tas-sena li għaddiet.

Il-pjan jaħseb biex jevita sitwazzjonijiet fejn pajjiż partikulari jinsisti b’xi ‘politika ta’ persważjoni simili għal rikatt’ fil-konfront ta’ pajjiż ieħor.

Fil-fatt, l-hekk-imsejjaħ anti-coercion pact, adottat is-sena l-oħra, hu intiż biex pajjiżi bħaċ-Ċina u r-Russja  ma jitħallewx jużaw is-saħħa ekonomika tagħhom biex jimponu ‘bilfors’ ir-rieda tagħhom fuq Stati oħrajn.

Fl-istess ħin, hemm kull possibbiltà li l-Istati Uniti tkun protagonista fit-taħditiet potenzjali lejn it-tisħiħ ta’ dan il-pjan u fi żmien meta ċ-Ċina u r-Russja qed jheddu kontinwament l-influwenza u s-saħħa tal-Punent fuq livell ekonomiku u daqstant ieħor ġeopolitiku.

Sadanittant, il-pajjiżi tal-G7 se jiddiskutu s-sigurtà tal-proċess rivoluzzjonarju tal-Artificial Intelligence (AI)  iġġenerat mill-kompjuters u l-aġenda titlob għal sistemi li jippromwovu ‘l-użu vjabbli, xieraq u sikur tal-AI madwar id-dinja’.