“Ir-riżultat tal-elezzjoni tal-MEP’s huwa reality check li wera biċ-ċar li ħadd ma jista’ jieħu xejn for granted”
Kien kliem il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Chamber, Marthese Portelli, mas-sit elettroniku businessnow.mt wara r-riżultat tal-Ħadd li għadda li ra lill-Partit Laburista jitlef ‘il fuq minn 23,000 vot.
Marthese Portelli spjegat li tittama li dan ir-riżultat issa iqanqal lil kulħadd sabiex jieħu azzjoni. Spjegat ukoll li tittama li din id-darba l-Gvern jieħu azzjoni fuq kliemu, filwaqt li enfasizzat li issa għandhom jittieħdu azzjonijiet li jaf ikunu inqas popolari.
Portelli tenniet li minkejja dan, id-deċiżjonijiet għandhom jittieħdu minnufih mingħajr aktar telf ta’ żmien.
Intant, hija identifikat numru ta’ punti li għandhom jiġu indirizzati fosthom it-traffiku – problema mhux indirizzata minkejja li ntefqu biljun ewro fuq xogħol fit-toroq u infrastruttura. Identifikat ukoll il-problema fl-immaniġġjar tal-iskart, il-kostruzzjoni eċċessiva u l-abbuż fuq kif tiġi mqassma art pubblika, flimkien mal-imwiet li seħħew fil-postijiet tax-xogħol.
Marthese Protelli tistqarr li n-nuqqas ta’ governanza xierqa, trasparenza, u responsabbiltà kienu aggravati bi problemi strutturali fis-suq tax-xogħol.
Hija spjegat ukoll li l-Malta Chamber ilha tappella dan mill-Pre National Election Manifesto ta’ Marzu tal-2022, filwaqt li kompliet tgħid li dak li ntqal f’dan il-manifest, kien reġa’ ġie spjegat ukoll fil-Pre Budget Document għall-2023 – appelli li ġew injorati.
Kien hawn li tenniet li Malta għadha qed tesperjenza ħsara għar-reputazzjoni tagħha, fid-dawl tal-greylisting, ħsara li tpinġi lill-pajjiżna bħala wieħed mhux attraenti għan-negozji u businesses ta’ kwalità.
Filwaqt li Marthese Portelli irrikonoxxiet li l-GDP huwa wieħed li jibqa’ jikber, hija spjegat li ż-żieda fil-GDP hija dipendenti fuq setturi li jagħmlu ħsara lill-ambjent u l-kwalità tal-ħajja.
//= $special ?>