Il-Pulizija għaddejja bit-tfittxija tagħha għal ħalliel li allegatament seraq ħanut fi Triq il-Kbira, f’Ħal Balzan.
Mill-ewwel stħarriġ jirriżulta li raġel allegatament armat b’sikkina, daħal fil-ħanut u talab il-flus lill-kaxxiera kmieni dalgħodu għall-ħabta tas-6am. Il-ħalliel hu mifhum li ħarab mill-post wara li seraq ammont ta’ flus kontanti.
Il-kaxxiera hija mara ta’ 49 sena. Il-Pulizija kkonfermat li ma weġġa’ ħadd f’din is-serqa.
Il-Maġistrat Philip Galea Farruġia ħatar inkjesta, filwaqt li l-Pulizija għadha għaddejja bl-investigazzjoni tagħha.