Internazzjonali

L-Arġentina: Konfermati r-riformi kontroversjali fost il-ġlied fit-toroq

Is-Senat fi Buenos Aires, fl-aħħar sigħat, approva l-pakkett kontroversjali għar-riformi ekonomiċi li insista dwaru l-President Arġentin Javier Milei. Il-vot seħħ waqt li kienu għaddejjin il-battalji fit-toroq bejn id-dimostranti li qed jipprotestaw dwar il-pakkett u l-iskwadri tal-pulizija għal kontra l-irvellijiet — biċ-ċentru tal-kapitali jsir jixbaħ zona tal-gwerra.

L-agħar ġlied seħħ barra l-bini tal-Kungress, fejn id-dimostranti taw in-nar lill-karozzi fost it-tfigħ tal-ġebel u bombi tal-petrol…L-istess dimostranti qed jgħidu li l-miżuri ta’ Milei għandjom iweġġgħu lill-eluf kbar tal-Arġentini minbarra li jkissru lill-familji bl-inqas itrojtu.

L-aħħar rapporti referew għal diversi midruba fil-ġlied, bil-media ssemmi sitwazzjonijiet ‘inkontrollabbli’ waqt il-konfronti bejn id-dimostranti u l-pulizija.

Ir-riformi – intiżi biex jistimolaw lill-ekonomija nazzjonali – jinkludu dikjarazzjoni ta’ stat ta’ emerġenza fuq livell ekonomiku, minbarra impenji għat-tnaqqis tal-pensjonijiet u d-drittijiet tal-ħaddiema.

Javier Milei, ekonomista tal-lemin, kien elett President tal-Arġentina fi żmien meta l-pajjiż għaddej minn kriżi ekonomika profonda li ilha għal xhur. Dan meta l-livell tal-inflazzjoni annwali fil-pajjiż hu reġistrat mat-300 fil-mija – b’aktar min-nofs il-poplu tal-Arġentina qegħdin jgħixu fi stat ta’ faqar.

Il-partiti politiċi tax-xellug, il-unions tal-ħaddiema u l-orgaznizzazzjonijiet soċjali lkoll opponew il-miżuri ta’ Milei, iżda l-mozzjoni kellha tgħaddi xorta – b’vot wieħed biss – mis-Senat fi Buenos Aires. L-abbozz tal-liġi issa qed ikun rivedut mill-ġdid qabel  l-approvazzjoni finali mill-Kamra t’Isfel tal-Parlament.