Lokali

“Wegħda oħra tal-Gvern li tħalliet fuq l-ixkaffa” – PN

Il-Partit Nazzjonalista jieħu nota tal-istqarrija li permezz tagħha, l-Awtorità tat-Turiżmu ħabbret li se tpoġġi iżjed ramel fil-bajjiet ta’ San Ġorġ u Buġibba. Dawn iż-żewġ bajjiet kienu proġetti li twettqu fiż-żmien amministrazzjonijiet Nazzjonalisti u llum jitgawdew minn eluf ta’ turisti u residenti.

Hekk sostna Mario de Marco, ix-Shadow Minister għat-Turiżmu, hekk kif spjega li dawn il-bajjiet kienu fost ħafna proġetti kapitali li saru minn amministrazzjonijiet Nazzjonalisti biex jittejjeb il-prodott turistiku Malti. Proġetti oħrajn jinkludu l-proġett tal-Akkwarju Nazzjonali fil-Qawra, ir-restawr tas-swar madwar il-Port il-Kbir, kif ukoll ir-restawr u t-tisbiħ tal-Forti Sant’Anġlu u l-Forti Sant Iermu.

Il-Partit Nazzjonalista jistaqsi x’sar mill-ħafna wegħdiet li għamlet l-Awtorità tat-Turiżmu taħt amministrazzjonijiet Laburisti, inkluż il-wegħda li jsiru bajjiet ġodda. Dawn il-wegħdiet kienu inklużi f’budget wara ieħor, iżda baqgħu ma twettqu qatt. Dan minkejja l-isplużjoni fil-popolazzjoni f’pajjiżna u ż-żieda fin-numru ta’ turisti.

Flus għall-isponsorhsips mingħajr rażan u biex ikunu impjegati nies b’salarji għoljin kien hemm, iżda flus biex jitjieb il-prodott turistiku ma nstabux.