Sophia Huang Xueqin, ġurnalista u attivista prominenti mal-moviment #MeToo fiċ-Ċina, spiċċat ikkundannata għal ħames snin ħabs dwar aġir li, fi kliem l-awtoritajiet, ‘kien imur kontra l-interessi tal-Istat komunista’.
Is-sentenza kienet ikkonfermata wara proċess tal-qorti li dam għaxar xhur – b’ Wang Jianbing, attivist favur l-interessi tal-ħaddiema u li kien ipproċessat flimkien ma’ Huang Xueqin jeħel tlett snin u nofs ta’ priġunerija. Dan meta Wang ukoll kien akkużat b’li kien qed jaħdem kontra l-Gvern ta’ Beijing.
Sophia Huang Xueqin — fost l-aktar attivisti prominenti fl-imsemmi moviment — kienet tirrapporta dwar każi ‘jaħarqu’ dwar abbuż sesswali u li ngħataw prominenza kbira. Hi anki rappurtat dwar l-‘aġir sessista’ li hi kellha tikkonfronta waqt xogħolha fil-kmamar tal-aħbarijiet ta’ pajjiżha.
Il-proċess tagħha u ta’ Wang Jianbing saru wara l-bibien magħluqa – bis-sostenituri tagħhom jgħidu huma weħlu l-ħabs għaliex kienu jorganizzaw regolarment il-laqgħat u l-forums għaċ-Ċiniżi żgħażagħ biex jiddiskutu l-aktar issues soċjali li qed jinkwetawhom.
//= $special ?>