Lokali

Għalfejn Angelo Gafà ma riedx li l-Pulizija tinvestiga?

B’ordni mill-Kummissarju tal-Pulizija u oħrajn l-uffiċjali tal-Korp ma wettqux investigazzjoni parallela b’rabta mal-iskandlu tal-Isptarijiet waqt li kienet għaddejja l-Inkjesta Vitals.

Dan saħqu fuq il-pedana tax-xhieda, bil-ġurament, l-Ispettur Wayne Borg meta quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello …. il-Pulizija li xehdu ikkonfermaw mal-Maġistrat li kienu involuti fit-tfassil tal-akkużi. Dan filwaqt illi l-Korp straħ biss fuq il-konklużjonijiet tal-inkjesta.

Intqal ukoll li l-Pulizija kienu responsabbli biss biex waslu t-78 kaxxa tal-evidenza lill-Avukat Ġenerali Victoria Buttigieg…bl-avukat Giannella De Marco, b’nofs battuta, tistaqsi jekk xogħol il-Pulizija kienx ta’ postman.

Għaldaqstant wara dan kollu, Net News kiteb sensiela ta’ mistoqsijiet lilll-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà; Għalfejn ma riedx iwettaq investigazzjoni b’rabta mal-iskandlu tal-Isptarijiet, minkejja li kien konxju tal-inkjesta Vitals? Minkejja żewġ kundanni tal-Qorti fejn sabet li dawn id-deals kienu frawdolenti – għalfejn ma ħassx il-ħtieġa jinvestiga jew jipproċedi?

Jekk kellux komunikazzjoni dwar din l-inkjesta mal-predeċessur tiegħu Lawrence Cutajar?  Jekk ħassx dover kemm professjonali kif ukoll morali biex imexxi bl-investigazzjonijiet? U finalment, jekk in-nuqqas ta’ investigazzjoni minn naħa tiegħu jirriżulta li kien nuqqas gravi fl-eżitu tal-każ….u jekk hux se jkun qed jerfa’ responsabbiltà.

Finalment fakkarnih li hu kien wiegħed lill-ġurnalisti, mal-ħatra tiegħu lura fl-2020, li kien se jkun ċar u trasparenti magħhom…u li dan huwa l-mument tal-prova għall-Kummissarju biex verament jispjega għalfejn ordna biex ma ssirx investigazzjoni fl-akbar każ ta’ frodi minn flus il-poplu.

Iżda wara dawn id-domandi kollha, il-Kummissarju reġa’ ħass il-ħtieġa li ma jweġibx… hekk kif kelliem għall-Pulizija saħaq li dan il-każ għaddej il-Qorti, u għaldaqstant il-pulizija se tikkumenta f’dik il-fora.