Il-Ġermanja ma setgħetx kellha bidu aħjar b’rebħa ta’ 5-1 kontra l-Iskozja. Il-partita kienet deċiża fl-ewwel taqsima bi tliet gowls fl-ewwel taqsima, tnejn minnhom fl-ewwel parti tal-logħba.
L-iskor infetaħ wara għaxar minuti. Ballun preċiż minn Toni Kroos fuq il-lemin lejn Joshua Kimmich. Il-plejer ta’ Bayern Munich tefa’ kross fil-baxx għan-nofs lejn FLORIAN WIRTZ li ltaqa’ mal-ballun u b’konklużjoni fil-baxx għeleb lil Angus Gunn, f’azzjoni li l-gowlkiper Skoċċiż seta’ jagħmel aħjar.
Il-Ġermaniżi rduppjaw fid-19-il minuta. Ilkay Gundogan beda l-azzjoni b’passaġġ preċiż fil-kaxxa lejn Kai Havertz, bl-attakkant iqassam lura lejn JAMAL MUSIALA li kkontrolla u b’xutt preċiż għeleb lil Gunn.
Sitt minuti wara l-Ġermanja ngħatat penalty wara li Musiala twaqqa’ iżda b’intervent tal-VAR, minflok ingħata free-kick. Madankollu ftit qabel tmiem l-ewwel taqsima, penalty għal Ġermanja. Ryan Porteous b’daħla ftit kumplimentuża waqqa’ lil Gündogan fil-kaxxa b’konsegwenza doppja. B’konsultazzjoni mal-VAR, ir-referee Clement Turpin ordna penalty u keċċa lid-difensur Skoċċiż. Mill-11-il metru nkariga ruħu KAI HAVERTZ li bagħat lil Gunn in-naħa l-oħra tal-ballun.
B’distakk ta’ tliet gowls u plejer anqas, kien kważi impossibbli għall-Iskoċċiżi biex jirkupraw. NICLAS FÜLLKRUG kompla jkabbar il-festa Ġermaniża fit-68 minuta b’xutt b’saħħtu li ma tax ċans lil Gunn isalva. Dan il-gowl wasal biss wara li Füllkrug kien ilu ħames minuti jilgħab. L-istess plejer saħansitra kellu gowl imħassar fis-77 minuta għal offside.
Gowl ta’ konsolazzjoni għall-Iskozja fis-87 minuta. Andy Robertson tefa’ ballun fit-tul minn free-kick minn fuq il-linja xellugija. Is-sostitut Scott McKenna prova jitfa’ ballun għan-nofs b’daqqa ta’ ras li ġiet imxellfa minn Antonio Rüdiger u spiċċat biex ħasdet lil Manuel Neuer, bil-ballun jidħol fix-xibka.
Iżda l-Ġermaniżi xorta riedu jgħidu li huma jgħidu l-aħħar kelma.Fit-93 minuta, proprju sekondi qabel tmiem il-logħba, is-sostitut EMRE CAN skorja l-ħames gowl b’xutt li kien imxellef ftit u spiċċa fir-rokna tax-xibka.
//= $special ?>