“Il-poplu bagħat messaġġ ċar li jrid il-bidla u li qed jafda l-politika għaqlija u ta’ tama tal-Partit Nazzjonalista.”
Hekk stqarr il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech fl-ewwel kummenti tiegħu fiċ-Ċentru tal-Għadd tal-Voti f’jum fejn il-Partit Nazzjonalista kiseb lura numru ta’ lokalitajiet.
Bernard Grech qal li matul din l-elezzjoni l-Partit Nazzjonalista apparti li kiseb lura numru ta’ lokalitajiet żied ukoll sew fl-ammont ta’ voti kważi fil-lokalitajiet kollha. Hawnhekk huwa sostna li ntlaħqu l-miri kollha tal-Partit Nazzjonalista dan filwaqt li wiegħed li l-Partit Nazzjonalista se jkompli jaħdem b’rispett lejn il-poplu Malti u Għawdxi kollu.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista rringrazzja lil dawk kollha li kienu nvoluti f’din il-ħidma li sarrfet f’tant suċċess dan filwaqt li għal darb’oħra miċ-Ċentru tal-Għadd tal-voti huwa fakkar fil-proposti tal-Partit Nazzjonalista għal-lokalitajiet fosthom li nissalvagwardjaw l-ambjent u li jsir studji fuq kull lokalità sabiex ir-residenti jkollhom ħajja aħjar.
//= $special ?>