Il-Pulizija se tkun qed twettaq rondi fuq il-campuses tal-MCAST madwar Malta u Għawdex…u l-Pulizija se jkollhom dritt ifittxu lill-istudenti…u l-affarijiet tagħhom.
Dan hekk kif matul il-jum tal-Ħamis il-Kulleġġ ħabbar li se tkun qed tiżdied il-preżenza tal-pulizija fl-MCAST hekk kif l-uffiċjali se jkunu qed iwettqu rondi għal xi sigħat fil-ġimgħa biex tissaħħaħ is-sigurtà qalb l-istudenti ta’ dan il-Kulleġġ post-sekondarju. Dan kollu wara li ġie ffirmat memorandum of undestranding bejn il-Korp u l-Kulleġġ.
Ġie spjegat li l-uffiċjali se jkollhom dritt ifittxu fuq l-istudenti kif ukoll qalb l-affarijiet tagħhom la darba jkun hemm suspett serju li jaf ikunu qed iġorru affarijiet perikolużi, misruqin jew akkwistati b’aġir illegali.
Intqal li l-Pulizija se jkunu pprovduti b’kamra sabiex ikunu jistgħu iwettqu s-search tagħhom fuq l-istudenti.
Għaldaqstant il-preżenza tal-uniformi tal-Pulizija qalb dawn l-istudenti se tkun qed tiżdied drastikament – madanakollu mhux magħruf x’wassal għal tali pass.
Bosta kkumentaw li dan huwa kważi kważi illegali, oħrajn qed jisħqu li din hija sitwazzjoni drakonjana li ċertament mhux se jkollha konsegwenzi pożittivi b’diversi persuni jinsistu li jridu jkunu jafu x’inhi r-raġuni li l-MCAST ħassew il-bżonn tal-preżenza ta’ uffiċjali tal-Pulizija fuq il-campuses tagħhom.
Ħafna ġenituri qed jgħidu li l-patrols għandhom jiżdiedu fl-irħula u mhux qalb uliedhom, u finalment kien hemm min saħansitra stqarr li l-Kummissarju tal-Pulizija ma ħassx il-ħtieġa jinvestiga l-każ tal-Vitals imma jrid jibgħat lill-Pulizija fl-MCAST.
//= $special ?>