Fi ftit sigħat oħra, l-attenzjoni tad-dilettanti tal-futbol internazzjonali se ddur fuq il-Ġermanja bil-ftuħ tal-Euro 2024. Din se tkun is-17-il edizzjoni mill-ewwel waħda li kienet saret lura fl-1960.
Total ta’ 51 logħba se jintlagħbu f’għaxar stadiums differenti. Dawn huma l-Olympiastadion ta’ Berlin, RheinEnergie Stadion f’Cologne, Westfalen Stadion f’ Dortmund, Merkur Spiel Arena f’Düsseldorf, Waldstadion Arena fi Frankfurt, Arena AufSchalke f’Gelsenkirchen, Volksparkstadion f’Hamburg, Red Bull Stadium f’Leipzig, l-Allianz Arena fi Munich u l-MHP Arena fi Stuttgart.
Għat-tielet darba fl-istorja tal-Kampjonat Ewropew, se jipparteipċaw 24 nazzjon fil-fażi finali
Grupp A: Ġermanja, Skozja, Ungerija, Żvizzera
Grupp B: Spanja, Kroazja, Italja, Albanija
Grupp Ċ: Slovenja, Danimarka, Serbja, Ingilterra
Grupp D: Polonja, Olanda, Awstrija, Franza
Grupp E: Belġju, Slovakkja, Rumanija, Ukrajna
Grupp F: Turkija, Georgia, Portugall, Repubblika Ċeka
Waqt iċ-Ċerimonja tal-Ftuħ, il-UEFA se tkun qed tonora lil-leġġenda tal-futbol Ġermaniż Franz Beckenbauer. Hu miet f’Jannar li għadda fl-età ta’ 78 sena. Il-captains ta’ meta l-Ġermanja rebħet il-Kampjonat Ewropew fl-1980 u l-1996 jiġifieri Bernard Dietz u Jürgen Klinsmann, se joħorġu t-trofew akkumpanjati mill-mara ta’ Beckenbauer, Heidi.
Beckenbauer ħalla impatt kbir fil-futbol Ġermaniż. Hu kien il-captain meta l-Ġermanja tal-Punent rebħet il-Kampjonat Ewropew fl-1972 u sentejn wara mexxa lit-tim għar-rebħ tat-Tazza tad-Dinja. Fl-1990 hu rebaħ it-Tazza tad-Dinja bħala kowċ tal-Ġermanja. Dan minbarra s-suċċessi kbar bħala plejer ta’ Bayern Munich.
L-ewwel logħba se tkun illejla fid-9.00pm bejn il-Ġermanja u l-Iskozja. Il-finali tintlagħab il-Ħadd 14 ta’ Lulju fl-Olympiastadion ta’ Berlin.
//= $special ?>