Lokali

Imressqa proposta ta’ proġett ta’ €35 miljun għall-ġonna ta’ San Ġwann

Phoenicia Malta Ltd qed tissottometti pjanti ġodda, b’enfasi fuq il-konservazzjoni, għall-proġett tal-Ġonna ta’ San Ġwann biex sa fl-aħħar isseħħ it-trasformazzjoni tal-Foss ta’ San Ġwann

Is-sidien u l-operaturi ta’ The Phoenicia Malta uffiċjalment qed jissottomettu proposta lill-Awtorità tal-Ippjanar għal proġett trasformattiv ta’ restawr li jiswa €35 miljun, bil-għan li tingħata ħajja ġdida lill-art mitluqa li hemm biswit il-lukanda.

Il-proġett impressjonanti tal-Ġonna ta’ San Ġwann għandu l-għan li jirriabilita l-Foss ta’ San Ġwann bħala estensjoni tal-perimetru tal-lukanda b’landscaping mill-isbaħ, inklużi akkomodazzjoni u faċilitajiet ġodda li se jkomplu jsaħħu l-lukanda rinomata ta’ ħames stilel kif ukoll id-daħla tal-Belt Valletta.

Dan il-proġett ambizzjuż, immexxi minn Mark Shaw – il-proprjetarju ta’ Phoenicia Malta Ltd li hi s-sid u l-operatur tal-lukanda The Phoenicia Malta – mistenni jkun żvilupp ta’ importanza ewlenija għall-gżejjer Maltin, hekk kif se jinseġ flimkien il-preservazzjoni storika mat-tip ta’ akkomodazzjoni u servizz lussuż li l-lukanda llum il-ġurnata saret sinonima miegħu. Barra minn hekk, il-proġett ipoġġi l-konservazzjoni u s-sostenibbiltà fil-qalba tal-fażi eċitanti li jmiss għal din il-proprjetà leġġendarja. Ta’ min wieħed jinnota li l-permessi eżistenti għal dan il-proġett jippermettu żvilupp aktar estensiv, iżda l-pjanti l-ġodda jagħfsu fuq is-sensittività, u qed ikomplu jtejbu diversi aspetti tar-restawr – etos li jpoġġi lil The Phoenicia Malta fi klassi għaliha.

“It-trasformazzjoni tal-Foss ta’ San Ġwann ilha mistennija żmien twil,” qal is-Sur Shaw, li xtara l-lukanda fl-2013 u ilu jinvesti fiha u jimmodernizzaha b’mod kostanti minn dak iż-żmien. “Kuntenti ħafna li qed nieħdu l-passi biex sa fl-aħħar nagħtuh il-ħajja – mhux biss bħala estensjoni ta’ The Phoenicia Malta kif inhi llum, iżda biex inkomplu nsaħħu l-wirt għani kemm tal-Belt kif ukoll ta’ ‘Product Malta’ kollu kemm hu. Il-proġett huwa wkoll allinjat perfettament mal-impenn tagħna li nsebbħu l-pajsaġġ kulturali u storiku tal-Belt Valletta filwaqt li noffru esperjenza liema bħalha lill-klijenti internazzjonali u lokali tal-lukanda.”

L-applikazzjoni għall-proġett tal-Ġonna ta’ San Ġwann tiġbor fiha diversi elementi ewlenin maħsuba biex jirrispettaw il-kuntest storiku tas-sit waqt li jintroduċu għadd kbir ta’ faċilitajiet ġodda kontemporanji tal-ogħla livell dinji. Il-qofol se jkun ir-restawr tal-binjiet tal-Old Stables u l-Coach House – it-tnejn li huma bħalissa dilapidati – biex jiġu kkreati 28 kamra u suite addizzjonali. Barra minn hekk, il-binja industrijali antika u kerha tal-Laundry se titwaqqa’ u tinbena mill-ġdid biex tipprovdi 23 kamra u suite ġodda, filwaqt li aktar interventi sinifikanti ta’ restawr fuq id-diversi strutturi storiċi fis-sit tal-Phoenicia huma wkoll inklużi fil-proġett. Biex il-proġett ikun komplut, iż-żona meraviljuża tal-Bastion Pool u l-ġonna tant imfittxija tal-lukanda se jiġu estiżi u msebbħa.

David Felice, Direttur Eżekuttiv ta’ AP – id-ditta ta’ periti li hi l-moħħ wara dan il-proġett, issottolinea l-ippjanar metikoluż li kien jinvolvi. “L-għan tagħna kien li niżviluppaw

master plan li jirrispetta l-wirt storiku tas-sit filwaqt li jsaħħaħ il-funzjonalità u l-ġmiel tal-post,” qal.

“Ħdimna biex niżguraw li d-disinji tagħna jkunu sensittivi għas-sinifikat storiku tas-sit. L-għan hawnhekk mhuwiex biss li nikkonservaw din il-parti minsija tal-Foss tal-Belt, iżda li ntejbuh b’tali mod li jsir ġawhra oħra fil-kuruna tal-Belt. It-trasformazzjoni mill-Foss ta’ San Ġwann għall-Ġonna ta’ San Ġwann mhijiex biss proġett ta’ restawr; hija l-ħolqien ta’ legat biex jitgawda mill-ġenerazzjonijiet futuri.”

Hu u jiżvela aktar dettalji dwar il-proġett, is-Sur Felice spjega li l-ġonna l-ġodda se jestendu u jsebbħu l-proprjetà eżistenti ta’ The Phoenicia Malta, hekk kif se joħolqu ambjent imħaddar u trankwill għall-klijenti tal-lukanda. “Permezz ta’ mogħdijiet aħjar u l-introduzzjoni ta’ buggies tal-elettriku, se jkun hemm titjib sostanzjali fl-aċċessibbiltà madwar l-ispazji tal-lukanda, u b’hekk jiġi żgurat li l-klijenti kollha jkunu jistgħu jgawdu l-ġmiel seren tal-ġonna l-ġodda,” spjega.

Is-sostenibbiltà ambjentali hija waħda mill-pilastri tal-proposta tal-Ġonna ta’ San Ġwann. Il-proġett se jipproteġi s-siġar eżistenti u jintroduċi pjanti indiġeni ġodda, u dan wara li jsiru studji ambjentali komprensivi, filwaqt li matul il-proġett se jiġu implementati prattiċi ta’ kostruzzjoni sostenibbli. Sforzi sabiex jitnaqqas il-konsum tal-enerġija u tal-ilma u biex jiġi minimizzat l-iskart huma parti integrali mid-disinn, u jirrinforzaw l-impenn eżistenti ta’ The Phoenicia Malta li topera b’mod ekoloġiku.

It-tim ikkonsidra bir-reqqa wkoll l-impatt tal-proġett fuq il-lukanda The Phoenicia Malta. “Il-proġett tal-Ġonna ta’ San Ġwann ġie mfassal biex jitwettaq f’fażijiet ippjanati b’attenzjoni, bl-għan li jkun hemm tfixkil mill-inqas għall-operat kurrenti tal-lukanda,” qal is-Sur Felice. “It-traffiku marbut mal-kostruzzjoni se jkun qed juża rotot ta’ aċċess separati, u b’hekk jevita li jżid il-konġestjoni madwar il-lukanda u jiżgura kontinwità bla xkiel għall-esperjenzi tal-klijenti u l-attivitajiet tal-lukanda.”

Fl-aħħar nett, is-Sur Shaw saħaq dwar l-impatt pożittiv li l-proġett mistenni jħalli fuq livell aktar wiesa’. “Qed nieħdu b’serjetà kbira din il-fażi li jmiss fl-iżvilupp ta’ The Phoenicia Malta u, hekk kif qed inniedu l-viżjoni tagħna, nemmnu li din mhux biss se ttejjeb il-prodott tal-lukanda tagħna iżda se tikkontribwixxi sabiex il-Belt Valletta tiġbed aktar interess bħala destinazzjoni. Bħal fil-każ tal-legat tal-proprjetà eżistenti, inħossuna privileġġjati li se nagħtu sehemna b’risq il-preservazzjoni u t-tisħiħ tal-wirt kulturali ta’ Malta. Jekk kemm-il darba din il-proposta tiġi approvata, aħna fiduċjużi li se ssir aspett ieħor minn The Phoenicia Malta li l-komunità lokali tista’ tkun kburija bih.”