Internazzjonali

Is-Summit tal-G7 fl-Italja: L-Ukrajna tingħata stimolu kbir finanzjarju … Ftehim bilaterali dwar is-sigurtà bejn Kiev u l-Istati Uniti

Il-Grupp tal-G7 magħmul mill-aktar pajjiżi sinjuri fid-dinja qabel li juża l-assi friżati tar-Russja biex jiġġenera l-ekwivalenti ta’ bejn 45 u 50 biljun ewro għall-Ukrajna…Fondi li għandhom jgħinu lill-Ukreni biex jirreżistu aħjar lill-qawwiet ta’ Vladimir Putin li ilhom aktar minn sentejn għaddejjin bi gwerra f’pajjiżhom.

Il-President tal-Istati Uniti Joe Biden qal, waqt is-summit tal-G7 fl-Italja, li din id-deċiżjoni għandha sservi bħala twissija oħra lir-Russja li l-Punent – irrappreżentat mill-G7 – mhux se jonqos mill-appoġġ lill-Ukreni f’dan iż-żmien kritiku għall-Ukrajna u l-Ewropa.

Il-President Biden kompla li r-Russja taf li din il-gwerra, fil-verità, ma tistax tibqa’ sostenibbli għat-tul taż-żmien u li l-Kremlin ta’ Moska mhux se jirnexxilu jifred lill-Punent – jew lill-Istati-membri tan-NATO.

Għaldaqstant, il-messaġġ kien ċar li l-pajjiżi tal-G7 u l-kumplament tal-Ewropa se jibqgħu jagħtu s-sostenn lill-Ukreni sakemm huma jeħilsu mill-preżenza militari tar-Russi f’pajjiżhom.

Sadanittant, id-deċiżjoni dwar l-assi friżati tar-Russja xejn ma niżlet tajjeb mal-Kremlin u mal-President Putin, li, min-naħa tiegħu, irrefera għall-iżvilupp bħala ‘serq sfaċċat’.Fl-istess ħin, Putin hedded li r-Russja mhix se toqgħod għal dan l-insult u li Moska ‘beħsiebha tirritalja għall-azzjoni’.

Matul is-summit tal- G7 li qed isir f’Borgo Egnazia, f’Apulia, il-President Ukren,  Volodymyr Zelensky u l-President Biden iffirmaw ftehim tas-sigurtà fuq livell bilaterali bejn l-Istati Uniti u l-Ukrajna u li Zelensky irrefera għalih bħala wieħed storiku.

Il-ftehim jesiġi għall-għajnuna militari mingħand l-Istati Uniti lill-Ukrajna, iżda  ma jimpenjax lil Washington biex jibgħat it-truppi Amerikani jiġġieldu fl-artijiet Ukreni.