DJ li kkonvinċa studenta ta’ 19-il sena biex tmur fl-appartament tiegħu fejn spiċċa biex stupraha fejn injora n-nuqqas ta’ kunsens minn naħa tagħha, ġie kkundannat għal sitt snin ħabs effettivi. L-istudenta kienet Malta biex titgħallem il-lingwa Ingliża.
L-istupru seħħ fil-ġurnata tas-Sibt matul l-lejl ta’ bejn id-9 u l-10 ta’ Ottubru 2021 meta Henry Alonso Cano Rojas, ċittadin Kolombjan li dak iż-żmien kellu 32 sena li kien jaħdem bħala DJ fi club ġewwa Paceville, talab lill-vittma biex imur miegħu għall-ħabta tat-3am. Hu ma kienx qalilha fejn kien sejjer.
Iż-żagħżugħa kienet qattgħet il-lejla tiżfen u tixrob ma’ sħabha fil-club fejn kienu jmorru kuljum waqt iż-żjara tagħhom f’Malta. Hija kienet avviċinat lid-DJ, talbitu biex idoqq xi kanzunetti u żifnet ma’ ħabiba tagħha qrib qrib fejn kien id-DJ.
Fil-ħin tal-għeluq tal-club, iż-żagħżagħ damu ġewwa għal ftit, jistennew il-folla ta’ clubbers toħroġ mill-bini. Imbagħad, hekk kif iż-żagħżugħa u sħabha ħarġu barra, id-DJ qabadilha idejha u qalilha biex tmur miegħu.
“Ma rridx niġi miegħek. Ikolli noqgħod mal-ħbieb tiegħi. Ma nistax niġi,” kienet qaltlu l-vittma. Iżda l-akkużat insista. Momentarjament ħallieha tmur waqt li għamlet sinjal lil ħabiba tagħha, Olandiża – li kellha bżonn l-għajnuna.
Hi ntervjeniet u mmanuvrat lill-vittma ‘l bogħod mir-raġel peress li l-attitudni tiegħu beda jdejjaqha. Madankollu, peress li l-ħbieb tagħha kienu fil-madwar, ħassitha sigura. Hekk kif il-ħabiba tagħha telqet minn maġenbha biex tixtri pizza, ir-raġel qabadilha idejha u ġibidha lejn blokka ta’ appartamenti fil-qrib.
Huwa talabha tgħinu biex iġorr il-basket tiegħu li kien fih tagħmir mużikali ‘l fuq u hi aċċettat, qatt ma ssuspettat għal xiex kienet daħlet lilha nnifisha. Iktar tard ħarġet dik id-“deċiżjoni”. Huwa qalilha biex tpoġġi l-pouch tiegħu ġewwa l-kamra tas-sodda u għalkemm ma ħaditx pjaċir, hija daħlet ġewwa.
Dak kien meta għalaq il-bieb u qalilha biex tagħti ħarsa lejn il-veduta mill-gallarija tas-sodda tiegħu. “Ok, vera sabiġ, imma tassew għandi bżonn nitlaq issa,” qalet il-vittma. Hekk kif daret biex titlaq, hu beda jbusha u mbottaha fuq is-sodda.
L-isforzi kollha tagħha biex twaqqaf l-avvanzi mhux mixtieqa tiegħu kienu għalxejn. Maqbuda mill-paniku, hija ffriżat. Meta rrakkontat il-kalvarju tagħha hi spjegat li “l-unika ħaġa li setgħet tagħmel kienet tħares lejn is-saqaf bħal ġisem bla ħajja”.
Hi sempliċement ma kinitx taf x’għandha tagħmel aktar. Urnexxielha tinħeles u fejn l-att sesswali waqaf ħesrem meta l-mobile fil-pouch tagħha, daqq. Kienet waħda mill-ħbieb tagħha li ċċempel biex tiċċekkjaha.
L-unika ħaġa li setgħet tgħid meta ltaqgħet mal-ħbieb tagħha barra l-blokk ta’ appartamenti tal-akkużat kien “stupru” bl-Olandiż. L-għada l-akkużat bagħtilha sms, u qal li kien “jiddispjaċih dwar il-lejl li għadda”. Huwa qal li kien “verament fis-sakra” u ma “ftakar xejn”.
Hija eventwalment ressqet rapport tal-pulizija wara li kkonfermat mal-ġenituri tagħha. Missierha mill-ewwel qabad titjira lejn Malta u mar magħha għand il-pulizija. Id-DJ ġie akkużat bi stupru u li żamm lill-allegata vittma kontra l-volontà tagħha.
Huwa wieġeb mhux ħati u għażel li jixhed fil-proċeduri. Ir-raġel qal li kien iltaqa’ mal-vittma sitt jew seba’ darbiet fuq medda ta’ tliet ġimgħat. Huwa kien idoqq il-kanzunetti li talbitu u kienu żifnu flimkien. L-attitudni tagħha ġegħlitu jħoss li kien hemm “xi ħaġa speċjali bejniethom” u insista li s-sess kien kunsenswali.
Meta tat is-sentenza, il-qorti, ppreseduta mill-maġistrat Rachel Montebello, osservat li żewġ verżjonijiet kunfliġġenti tal-avvenimenti mhux bilfors kienu jfissru li l-akkużat kellu jiġi lliberat. F’dan il-każ, wara li daħlet fix-xhieda u l-evidenza l-oħra kollha mressqa, il-qorti kkonkludiet li l-verżjoni tal-vittma kienet aktar kredibbli.
Kien hemm ċerti inkonsistenzi fil-verżjoni tal-akkużat. Fattur importanti kien CCTV juri lil DJ iżomm idejha, iwassalha lejn l-appartament L-evidenza tad-DNA sostniet ukoll il-verżjoni tal-vittma meta qalet li meta ċempel -mowbajl tagħha kien ġiegħel lill-akkużat jieqaf ħesrem.
Ix-xhieda ta’ sħabu ikkorroboraw il-verżjoni tal-vittma. Ma kien hemm xejn stramb dwar il-fatt li l-vittma marret lura fil-club wara l-inċident, qalet il-Qorti. Hi kienet frekwenta l-post maċ-ċirku ta’ ħbieb tagħha waqt li kienet iżżur lil Malta bħala studenta tal-lingwa.
Meta tqies kollox, ma kienx hemm lok għal ekwivokazzjoni li l-vittma ma kienitx qed tagħti l-kunsens għal ebda intimità, aħseb u ara għas-sess, u l-akkużat ma setax jifhem dan. Il-Qorti osservat ukoll li jekk xi parti rtirat il-kunsens f’xi stadju, anke f’nofs l-att sesswali, billi tagħmilha ċara lill-parti l-oħra u din tal-aħħar tippersisti, allura kien għadu ħati ta’ stupru.
Meta qieset kollox, il-qorti ddikjarat kundanna, ikkundannat lill-akkużat għal sitt snin ħabs effettiva u ordnat li ismu jiġi inkluż fir-reġistru tal-kriminali sesswali ladarba s-sentenza tkun finali, salv appell li jista; jsir.