Futbol Sport

EURO 2024: Rebħa dominanti minn Spanja fuq il-Kroazja

(Ritratt: EPA)

SPANJA ………… 3

KROAZJA ……… 0

Spanja: U.Simon, D.Carvajal, Nacho, R.Le Normand, M.Cucurella, Pedri, Rodri, F.Ruiz, L.Yamal, A.Morata, N.Williams

Kroazja: D.Livakovic, J.Stanisic, J.Sutalo, M.Pongracic, J.Gvardiol, L.Modric, M.Brozovic, M.Kovacic, L.Majer, A.Budimir, A.Kramaric

Referee: M.Oliver

Assistenti Referees: D.Cook, S.Attwell

Imwissija: Rodri 79’

Skorjaw: A.Morata 29’, F.Ruiz 32’, D.Carvajal 45+2’

Fl-Olympistadion Spanja bdew bit-tajjeb b’rebħa dominanti fuq il-Kroazja. Meqjusin bħala wieħed mill-favoriti għar-rebħ ta’ din il-kompetizzjoni it-tim Spanjol wera l-qawwa tiegħu kontra tim Kroat nieqes mill-idejat bl-Ispanjoli jirnexxielhom jiddominaw. B’taħlita ta’ plejers ta’ esperjenza u oħrajna żgħażagħ Spanja urew futbol sabiħ, b’tim kompost taħt il-gwida tal-kowċ Luis de la Fuente. Min-naħa għall-Kroazja, minkejja l-esperjenza kbira li għandhom speċjalment f’nofs il-grawnd jidher li hemm bżonn tal-introduzzjoni ta’ aktar żgħażagħ fit-tim b’idejat ġodda li jista’ jieħdu r-ridni f’idejhom, bil-karrieri ta’ plejers bħala Luka Modric u Ivan Perisic waslu biex jintemmu.

Spanja bdew b’saħħithom u fetħu l-iskor fid-29 minuta meta minn pass li nifed id-difiża ta’ Fabian Ruiz kien Alvaro Morata li b’konklużjoni fil-baxx għeleb lil Dominik Livakovic għal 1-0. It-tieni gowl wasal tliet minuti wara meta wara azzjoni maħduma tajjeb kien Pedri li għadda lejn Fabian Ruiz, li b’finta qata’ lid-difensur u poġġa’ l-ballun fix-xibka għal 2-0. Spanja prattikament għalqu l-partita fi tmiem l-ewwel taqsima meta minn cross mil-lemin taż-żagħżugħ Lamine Yamal, kien id-difensur ta’ esperjenza ta’ Real Madrid Dani Carvajal li mattar saqajh u xeħet wara Livakovic, għal 3-0, liema skor huma żammew għall-kumplament tat-tieni taqsima.

Minkejja l-prestazzjoni deludenti tal-Kroazja huma kellhom ċans li jidħlu fil-partita fit-80 minuta minn penalty li ma skorjax Bruno Petkovic, filwaqt li kellhom gowl mhux konvalidat mill-VAR tal-istess Petkovic.