“Għalina, l-volontarjat huwa importanti, kif huwa importanti x-xogħol, u rridu nkomplu nsaħħuh”
Sostna dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech, waqt żjara li għamel fil-kamra tan-nar Għaqda tan-Nar 25 ta’ Novembru, Żejtun, fejn iltaqa ma’ diversi dilettanti tal-logħob tan-nar.

Huma tkellmu mal-Kap tal-Partit Nazzjonalista dwar id-delizzju, il-ħidma u l-passjoni tagħhom għal din l-arti – sinonima mal-festi tal-Maltin u l-Għawdxin.
Minn naħa tagħhom, l-voluntiera spjegaw il-proċess u l-ħila neċessarja sabiex fi żmien il-festa, jipprovdu serati mil-isbaħ tal-logħob tan-nar, li tant huma għal qalb id-dilettanti tal-festi tal-irħula u t-turisti li jżuru pajjiżna biex jesperjenzawhom.

Dan l-istazzjon tkellem mas-segretarju tal-għaqda tan-nar taż-Żejtun, Lewis Tanti li spjega kif il-preparamenti għal-festa jibqgħu għaddejin matul is-sena sħiħa.
Bernard Grech fakkar kif il-Partit Nazzjonalista għandu politika wiesa, li taprezza x-xogħol li jsir f’kmamar tan-nar.
Dan jolqot mhux biss aspett artistiku, imma wkoll tad-delizzju u l-volontarjat.

Filwaqt li enfasizza wkoll dwar l-importanza tal-festi li huma parti integrali mil-kultura u soċjeta Maltija, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista insista dwar it-tisħiħ u l-attenzjoni li għandha tingħata lil dan is-settur.
Waqt din iż-żjara li wettaq is-Sibt filgħodu huwa kien akkumpanjat mix-Shadow Minister tal-Partit Nazzjonalista, Janice Chetcuti.
