“Huwa ċar li l-poplu qed jemmen fil-Partit Nazzjonalista u huwa għalhekk li b’determinazzjoni l-Partit Nazzjonalista se jkompli bil-ħidma tiegħu sabiex jibni maġġoranza ġdida f’pajjiżna.”
Hekk stqarr il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret is-Sibt filgħodu fid-Dar Ċentrali wara li f’dawn l-elezzjonijiet il-Partit Nazzjonalista rebaħ sitt lokalitajiet.
Bernard Grech irringrazzja lil dawk kollha li taw sehemhom f’din il-kampanja li sarraf f’avvanzi kbar għall-Partit Nazzjonalista.
Apparti minn hekk, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista spjega li f’dawn l-elezzjonijiet il-Partit Nazzjonalista rebaħ sitt Kunsilli ġidda kif ukoll tilef wieħed. Pero dan ifisser li issa l-Partit Nazzjonalista għandu 24 Kunsill Lokali hekk kif fl-2019 il-Partit Nazzjonalista kellu 19-il kunsill.
Hawnhekk, Bernard Grech wiegħed li l-Partit Nazzjonalista se jkompli jfassal politika li verament tħoss il-polz tal-poplu kif ukoll se jkompli bil-politika awtentika.
Minn naħa l-oħra, Bernard Grech spjega wkoll li f’dawn l-elezzjonijiet il-Partit Laburista tilef 9 Kunsilli Lokali u rebaħ wieħed biss b’hekk issa l-Labour għandhom 39 Kunsill Lokali.
Fl-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali d-distakk bejn iż-żewġ partit naqas b’26,861 dan hekk kif fl-2019 id-distakk kien ta’ ftit aktar minn 47,000 u fl-elezzjoni ta’ din is-sena d-distakk issa ġie ta’ ftit aktar minn 20,000.
Bernard Grech qal ukoll li f’din l-elezzjoni l-Partit Nazzjonalista kiseb 114,512-il vot filwaqt li l-Partit Laburista kiseb 134,767 vot.
Irriżulta wkoll li f’dawn l-elezzjonijiet il-Partit Nazzjonalista żied 20 siġġu biex b’hekk f’dawn l-elezzjonijiet ġew eletti 212-il kandidat.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista fakkar ukoll fil-maġġoranzi ġodda li kiseb il-Partit Nazzjonalista kif ukoll il-maġġoranzi relattivi li kiseb f’lokalitajiet oħra fejn in-numru ta’ kandidati eletti f’isem iż-żewġ partit kien indaqs hekk kif ġie elett kandidat indipendenti.
Intant, interessanti l-fatt li għal din il-konferenza tal-aħbarijiet il-media tal-Partit Laburista ma dehret imkien dan wara li l-Ġimgħa filgħaxija Robert Abela spiċċa jiftaħar bil-maġġoranza assoluta f’elezzjoni fejn il-Partit Laburista tilef għexieren ta’ eluf ta’ voti.
//= $special ?>