Lokali

Il-protesti “Bankini għaċ-Ċittadini” ikomplu fir-Rabat Għawdex

Il-parroċċa ta’ San Ġorġ, għaqdiet kulturali, attivisti u residenti jingħaqdu flimkien f’għajta waħda kontra t-teħid tal-ispazju pubbliku.

Illum, koalizzjoni ta’ vuċijiet, fosthom il-Bażilika ta’ San Ġorġ, is-Soċjetà Filarmonika La Stella u l-mużew Il-Ħaġar (Fondazzjoni Belt Victoria), flimkien mal-attivisti tal-Moviment Graffitti, Għawdix, Din l-Art Ħelwa, inġabru biex jipprotestaw kontra t-teħid sfrenat ta’ spazji pubbliċi b’interessi kummerċjali fi Pjazza San Ġorġ fir-Rabat, Għawdex.

L-Arċipriet tal-Bażilika ta’ San Ġorġ, Joseph Curmi, ikkundanna l-invażjoni tal-imwejjed u s-siġġijiet, filwaqt li enfasizza t-trasformazzjoni tal-pjazza minn ċentru komunali għal labirint imxekkel minn attrezzaturi kummerċjali.

Fi staqrrijja, Moviment Graffitti enfasizzaw li lil hinn min-nuqqas ta’ aċċess bla xkiel u sigur għall-pjazza, l-abbuż li qed jitħalla jirrenja fi Pjazza San Ġorġ qed jagħmilha wkoll impossibbli biex tiġijiet, funerali u attivitajiet marbuta mal-festa jkunu jistgħu jsiru.

Ir-residenti u l-attivisti bl-istess mod esprimew il-frustrazzjoni tagħhom minħabba n-nuqqas ta’ azzjoni mil-awtoritajiet, u enfasizzaw l-impatt li dan qed iħalli fuq it-tradizzjonijiet lokali u l-ħajja ta’ kuljum.

Ir-residenti, flimkien mal-Moviment Graffitti u l-FAA, fasslu dokument b’għadd ta’ talbiet u proposti sabiex is-serq tal-ispazji pubbliċi mill-istabbilimenti kummerċjali jiġi indirizzat u kkontrollat bis-serjetà. It-talbiet intbagħtu lill-Prim Ministru u lill-Ministri responsabbli, iżda minkejja li l-Prim Ministru riċentament stqarr li din hija problema li jeħtieġ tiġi indirizzata, s’issa r-residenti għadhom qed jistennew risposta.