Ambjent Lokali

L-Ewwel bejta ta’ fekruna tal-baħar fl-2024 fir-ramla tal-Mixquqa

Fi stqarrijja, l-Environment & Resources Authority (ERA) ikkonfermaw l-ewwel sit ta’ bejta ta’ fekruna f’dan l-istaġun, li ntlemħet waqt ronda dalgħodu minn voluntiera ta’ Nature Trust Malta (NTM-FEE). Il-fekruna tal-baħar (loggerhead turtle) biedet fir-Ramla tal-Mixquqa (Golden Bay).

L-uffiċjali tal-ERA bħalissa qed jikkordinaw ma’ Nature Trust Malta (NTM-FEE) biex iż-żona tiżgura ħarsien lill-bejta.

L-ERA se tkompli tissapportja lill-NTM u lill-partijiet interessati rilevanti sabiex tiżgura l-protezzjoni tal-bejta. Ser tinħareġ ukoll Ordni ta’ Konservazzjoni ta’ Emerġenza.

Il-pubbliku ġenerali huwa mħeġġeġ jaġixxi b’mod responsabbli peress li l-istorbju eċċessiv, trampling u d-dawl qrib iż-żona tat-tbejjit jistgħu jkunu ta’ theddida għall-bajd tal-fkieren u kwalunkwe frieħ.

L-ERA tixtieq tirringrazzja lill-pubbliku għall-appoġġ u l-kooperazzjoni tiegħu waqt avvenimenti bħal dawn, u tħeġġeġ lill-pubbliku biex immedjatament jirrapporta kwalunkwe osservazzjoni ta’ attività tal-fekruna lill-ERA fuq it-telefown fuq 2292 3500 jew permezz tas-sistema onlajn tal-customer care tagħha, jew lill-NTM bit-telefown fuq 2131 3150.

Il-voluntiera se jkunu meħtieġa wkoll mill-NTM matul il-perjodu tat-bejtiet sabiex jgħinu fil-monitoraġġ u kompiti oħra relatati ma’ din il-bejta tal-fekruna. Dawk li jixtiequ jagħmlu volontarjat, huma ġentilment mitluba jibgħatu email fuq turtle.naturetrust@gmail.com għal aktar informazzjoni.

NTM huma sponsorjati mill-ERA biex iwettqu salvataġġ u riabilitazzjoni tal-annimali madwar il-gżejjer Maltin.