Lokali

“Flimkien nibnu Malta bi skop komuni” – Bernard Grech

Wara l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, u l-Kunsilli Lokali, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech insista li issa, iktar minn qatt qabel, se jkun dedikat għal vjaġġ mal-poplu Malti u Għawdxi lejn viżjoni aħjar għall-futur ta’ pajjiżna.

Fil-ġurnal Times of Malta, Bernard Grech fakkar kif apparti l-lokalitajiet li diġa’ kienu qed jitmexxew minn sindki Nazzjonalisti, in-nies taw il-fiduċja lil kandidati Nazzjonalisti għat-tmexxija ta’ 24 kunsilli lokali u maġġoranzi f’żewġ lokalitajiet oħra, il-Mellieħa u Birkirkara. Biex b’hekk, il-Partit Nazzjonalista se jerġa’ jmexxi San Ġwann, il-Mosta, is-Siġġiewi, l-Imsida, San Pawl, u ż-Żebbuġ, Għawdex.

Il-Kunsilli li għadhom iridu jiġu deċiżi huma l-Mellieħa, Birkirkara, il-Furjana, u Ħaż-Żebbuġ.

Bernard Grech qal li l-Partit Nazzjonalista se jibqa’ dedikat biex joħloq ekonomija reali li taħdem għal kulħadd filwaqt li jrawwem żvilupp sostenibbli li jibbilanċja t-tkabbir ekonomiku mal-ambjent. Pjan li jinkludi riformi komprensivi fis-setturi tas-saħħa, l-edukazzjoni u l-enerġija, sabiex jiżgura li kull ċittadin ikollu aċċess għal servizzi u opportunitajiet ta’ kwalità għolja.

Dan apparti li se tingħata importanza sabiex tissaħħaħ ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna fix-xena globali, billi Malta tkun xempju ta’ governanza tajba u innovazzjoni – dan apparti soluzzjonijiet għal Malta aħjar permezz tad-diversità ta’ ideat u perspettivi biex jiġu indirizzati l-isfidi li jeżistu.