Internazzjonali

Il-Ġermanja: Ferut minn tiri qabel il-logħba tal-Euro 2024 bejn l-Olanda u l-Polonja

Il-pulizija fil-belt ta’ Hamburg sparaw fuq raġel li kien armat b’mannara u li kien qed jhedded li jattakka lilhom u lin-nies fil-viċinanzi… L-inċident seħħ ftit qabel il-logħba (fl-istess belt)  tal-futbol tal-Euro 2024 bejn il-Polonja  u l-Olanda li ntemmet b’rebħa 2-1 għall-Olandiżi — bir-raġel jiddaħħal jiġri l-isptar wara li ndarab serjament mit-tiri sparati lejh.

Ir-rapporti qalu li r-raġel ferut kellu wkoll oġġett ‘li kien jixbaħ bomba tan-nar’ u li dan kien mar f’inħawi viċin il-fanzone għas-sapporters tat-tim Olandiż fiċ-ċentru ta’ Hamburg. Ingħad ukoll li l-pulizija kellha tieħu passi ‘drastiċi’ wara li l-istess raġel baqa’ jinjora d-diversi twissijiet biex jitfa’ il-mannara u l-oġġett mal-art.

Iz-zona inkwistjoni, magħrufa bħala  Reeperbahn, tinkorpora triq ewlenija u distrett tan-nightlife u fejn bħalissa hemm preżenza kbira tas-sigurtà.

Dan ukoll meta s-stadium ta’ Hamburg hu qrib ħafna l-kwartieri taċ-ċentru fejn seħħ l-inċident …Ċentru fejn,  dak il-ħin, kien hemm madwar 60,000 partitarji tal-futbol – Olandiżi u daqstant ieħor Pollakki.

Madankollu, il-Pulizija qalu li t-tensjoni battiet ftit wara li s-sitwazzjoni nġiebet taħt kontroll u li ‘l-atmosfera kienet tajba’ bejn iż-żewġ gruppi tal-partitarji li ma dehrux daqshekk affettwati mill-inċident.