Abela jinsab dgħajjef. It-tnaqqis tal-voti ġie deskritt bħala “emoraġija”. Illum il-Prim Ministru jinsab f’rokna.
Hekk iddikjarat il-gazzetta Sunday Times of Malta meta għamlet analiżi tar-riżultat tal-weekend li għadda, fejn il-Labour mhux biss tilef siġġu fil-Parlament Ewropew imma tilef għaxar Kunsilli Lokali; b’sitta minnhom ibiddlu l-maġġoranza u jmorru għand il-PN.
It-Times tkellmet ma’ Ministri, deputati Laburisti u persuni li kienu parti mit-team tal-kampanja. B’wieħed mill-membri Parlamentari saħansitra jistqarr illi Robert Abela “mhux juri viżjoni”. Dan apparti li ffoka biss fuq il-hardcore.
L-analiżi tat-Times titkellem ukoll dwar Joseph Muscat u x-xeni imbarazzanti barra l-Qorti meta l-eks Prim Ministru tressaq akkużat b’korruzzjoni u frodi b’rabta mal-bejgħ tat-tliet sptarijiet.
It-Times tiddeskrivi lil Muscat bħala “egoist” għaliex skont Ministru partikolari li tkellem ma’ din il-gazzetta, hu spiċċa kaxkar lil kulħadd miegħu f’dan l-akbar skandlu li qatt affaċja pajjiżna.
Anke l-gazzetta ‘illum’ analizzat dan ir-riżultat elettorali, hekk kif stqarret li l-partitarji issa qed jistennew azzjoni konkreta mill-Prim Ministru – wara dik li, skont il-gazzetta, kienet “ġimgħa orribbli”.
Fil-faċċata tagħha, l-‘illum’ tfakkar fi kliem Robert Abela meta waħħal fil-ħaddiema tal-Gvern għad-disfatta li kellu; kliem li ġibed il-kundanna kemm tal-UĦM u anke tal-GWU.
Il-ġurnal jgħid li r-riżultati tal-elezzjonijiet bagħtu xokkijiet kbar fil-Labour, bid-diriġenti jispiċċaw iduru għal xulxin.
Fil-MaltaToday, Saviour Balzan jgħid li l-Labour kapaċi jitlef l-elezzjoni jekk jibqa’ għaddej bl-arroganza. Dan filwaqt illi jinsisti fuq il-ħrieġa li l-Gvern ikollu tassew viżjoni – għaliex fi kliemu stess, “in-nies qed jabbandunaw lil-Labour”.
Interessanti wkoll il-kitba tal-Perit Michael Falzon, illi fl-istess gazzett insista li wara dawn l-elezzjonijiet, tkisser kompletament il-mit illi huwa impossibbli li l-Partit Laburista jitlef l-elezzjonijiet.
//= $special ?>