Elezzjonijiet 2024 Lokali

“Intom żrajtu tama ġdida għall-ġid ta’ pajjiżna” – Bernard Grech

Bernard Grech ifakkar kif il-bieb tal-Partit Nazzjonalista se jibqa' dejjem miftuħ għal kull persuna bi tħejjija għal tmexxija minn Partit Nazzjonalista b'politika onesta u mimlija ideat - Gvern Nazzjonalista ta' kulħadd

“Magħkom nafu li qegħdin fit-triq it-tajba – intom żrajtu tama ġdida għall-ġid ta’ pajjiżna.”

Kien dan li qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech f’mass rally li saret quddiem id-Dar Ċentrali fl-għeluq tal-kampanja elettorali tal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsilli Lokali.

Bernard Grech fakkar kif f’dawn l-elezzjoni rajna kif il-Partit Nazzjonalista ġab maġġoranza f’għadd ta’ lokalitajiet ġodda, u f’lokalitajiet li kienu diġa’ Nazzjonalisti li komplew jissaħħew. Ħidma ma taqta’ xejn ukoll f’kull lokalità oħra, permezz tal-kunsilliera Nazzjonalisti kollha.

U kien hawnhekk fejn ħeġġeġ għal maġġoranza assoluta Nazzjonalista għall-ġid tal-pajjiż kollu.

Bernard Grech irringrazzja wkoll lill-kandidati kollha tal-Parlament Ewropew għax-xogħol siewi li wettqu f’dawn l-aħħar ġimgħat u xhur.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista fakkar kif fit-tmexxija ta’ pajjiżna għandna Prim Ministru li qed jaħseb biss fih innifsu u jipproteġi lil dawk tal-qalba.

“Prim Minsitru int għandek ir-responsabbiltà lejn pajjiżek,” qal Bernard Grech. “L-iżbalji tiegħek għaffġu lill-pajjiż.”

Bernard Grech fakkar ukoll fix-xogħol li wettqet il-ġurnalista Daphne Caruana Galizia li wassal sabiex insiru nafu l-verità.

“Din l-elezzjoni uriet li l-poplu ma jridx iktar korrotti u li mhux se jinxtara mill-vouchers,” qal Bernard Grech. “Bix-xenxilli u l-propoganda ma jimpressjonawx quddiem il-gideb.”

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista wiegħed ħidma favur l-ambjent u favur ekonomija sostenibbli – u wara kollox il-PN ikun partit li jkun ta’ kulħaddd u jassigura li ħadd ma jitwarrab.