Lokali

Jinqata’ d-dawl madwar il-pajjiż kollu

Malta kollha u partijiet minn Għawdex bħalissa jinsabu bla dawl. Għadu mhux magħruf x’wassal għal dawn il-ħsarat li wasslu biex nispiċċaw mingħajr provvista tal-elettriku.

Il-qtugħ tad dawl spiċċa ċajta nazzjonali. Fil-fatt, malli inqatgħet il-provvista, mal-ewwel bdew il-battuti fuq il-midja soċjali – min jgħid li saħnu l-wires, min jgħid li se jintefa’ jaqra ktieb, u min jgħid li mar id-dawl meta lanqas biss għadha waslet l-ewwel mewġa ta’ sħana.

Intant, jidher ukoll li f’numru ta’ lokalitajiet id-dawl qed jirritorna għal ftit minuti, u jerġa’ jitlaq, saħansitra għal tliet darbiet b’diversi persuni jilmentaw li dan jista’ jikkawża diversi ħsarat.

Il-qtugħ tad-dawl f’Malta kollha sarraf ukoll f’konfużjoni fit-toroq ta’ pajjiżna, hekk kif it-traffic lights mhux qed jaħdmu b’dawk li jixtiequ jaqsmu t-triq jkollhom jistennew biex il-karozzi jċedulhom.

Intant, dwar dan kollu, l-Enemalta qalet li kien “għaddej xogħol ta’ manutenzjoni fuq l-interconnector” b’riżultat li pajjiżna esperjenza dan il-qtugħ ta’ dawl. Minkejja li f’Marżu l-Enemalta li taqa’ taħt id-dekasteru ta’ Miriam Dalli, kienet qalet li Malta tiġġenera biżżejjed enerġija għal ‘extreme heatwaves.

Fil-bidu ta’ Mejju, meta Miriam Dalli ġiet mistoqsija minn Net News jekk tiggarantix li fis-sajf hux se jinqata’ d-dawl, il-Ministru ma tatx assigurazzjoni. Biex issa, meta s-sajf jinsab wara l-bieb, bdejna nesperjenzaw l-ewwel qtugħ ta’ dawl.

Kważi sena ilu, il-Partit Nazzjonalista kien preżenta disa’ proposti biex jissaħħaħ is-settur tal-enerġija u d-distribuzzjoni tal-elettriku. Dawn jinkludu: investiment fin-network tad-distribuzzjoni tad-dawl lejn id-djar tal-familji u n-negozji, sistema li tanalizza zoni fejn hemm vultaġġ baxx u x-xejriet tal-konsum, tkun imposta rata ta’ disponibbilta tal-elettriku, issir revizjoni fil-process tal-procurement tal-Enemalta, incentivi għal binjiet b’livell għoli ta’ efficjenza fl-enerġija, incentivi biex soqfa ta’ binjiet tal-Gvern jintużaw għall-ġenerazzjoni ta’ enerġija alternattiva, installazzjoni ta’ batteries biex tissaħħaħ il-qawwa tal-grid nazzjonali, jiddaħħlu rati orħos għall-ħinijiet off-peak, u li jkun liberalizzat is-suq tad-distribuzzjoni tal-enerġija.