Internazzjonali

Ukrajna: Diżgwid dwar il-kundanna għar-Russja waqt is-summit tal-Iżvizzera — bil-pajjiżi tal-Punent jappoġġjaw l-integrità territorjali tal-Ukreni

Il-President Ukren, Volodymyr Zelensky, iddikjara li lest biex jisssieħeb ‘millum stess’ f’taħditiet għall-paċi mar-Russja dment li Moska tirtira lit-truppi tagħha mit-territorji kollha tal-Ukrajna.Madankollu, u meta tkellem waqt għeluq is-summit għall-paċi fl-Ukrajna organizzata fl-Iżvizzera, Zelensky qal li l-President Russu Vladimir Putin mhux se jaqbel li jtemm il-gwerra u għaldaqstant ‘jinħtieġu l-mezzi militari jew diplomatiċi biex jaċċertaw li hu ma jkomplix bil-kunfltt’.

Fl-istess ħin u waqt li l-għajnuna tal-Punent mhix biżżejjed biex l-Ukrajna tirbaħ il-gwerra, is-summit ta’ jumejn li konkluda fir-resort ta’ Buergenstock wera xorta l-livell qawwi ta’ appoġġ u sostenn lill-Ukreni fuq livell internazzjonali.

Fl-istess ħin, għexieren ta’ pajjiżi rappreżentati fl-Iżvizzera kommettew ruħhom għall-integrità territorjali tal-Ukreni filwaqt li adottaw dokument finali li jwaħħal direttament fir-Russja għall-qerda u tbatija li sofrew l-Ukreni tul l-aħħar snin .

Iżda l-istqarrija ta’ kundanna għall-invażjoni tal-Ukrajna mit-truppi Russi ma kellhiex l-appoġġ unanimu tal-pajjiżi — bl-Arabja Sawdija, il-Messiku, l-Indja, il-Brażil, l-Afrika t’Isfel u l-Indoneżja jispikkaw fost l-Istati li ma ffirmawx id-dikjarazzjoni finali.

 ‘Il fuq minn 90 pajjiż u organizzazzjoni internazzjonali kienu rappreżentati waqt is-summit – iżda r-Russja ma kenitx mistiedna biex tipparteċipa.

L-Istati tal-Punent, alleati tal-Ukrajna, fost oħrajn irreferew għal Charter tan-Nazzjonijiet Uniti intiż biex jissalvagwarda l-integrità territorjali tal-Ukreni. Dan waqt li huma ċaħdu għad-domandi ta’ Moska biex l-Ukreni jċedu l-artijiet ta’ pajjiżhom li huma okkupati mill-qawwiet ta’ Vladimir Putin.

Id-dokument finali anki jsejjaħ biex l-Ukreni jikkontrollaw mill-ġdid il-faċilità nukleari ta’  Zaporizhzhia flimkien mal-portijiet ta’ pajjiżhom li jmissu mal-Bażar ta’ Azov u li fil-preżent huma okkupati mir-Russja.

Id-diskussjonijiet fl-Iżvizzera konċentraw anki fuq l-iskambju tal-priġunieri tal-gwerra u r-ritorn tat-tfal Ukreni li nħatfu mill-komunitajiet tagħhom biex ikunu ‘integrati’ fi programmi mmexxija mir-Russi. Aspett ieħor trattat kien l-istatus tal-artijiet Ukreni li ilhom l-aħħar xhur taħt il-kontroll tar-Russi.