Lokali

“Abela ta struzzjonijiet biex persuna tal-qalba ma titressaqx il-Qorti” – Jason Azzopardi

Il-Prim Ministru ta struzzjonijiet biex person of trust involut fl-iskandlu tal-benefiċċji soċjali ma jitressaqx il-Qorti minkejja li kien investigat mill-FCID.

Sostna dan l-Avukat Jason Azzopardi waqt diskors li għamel matul il-velja li ta’ kull xahar tfakkar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Fil-Belt, Azzopardi insista li dan huwa aġir kriminali mhux biss mill-Prim Ministru Robert Abela, imma anke mill-Avukat Ġenerali Victoria Buttigieg, u l-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà.

L-avukat Azzopardi spjega li fis-Segretarjat Privat tal-Ministru Michael Falzon jaħdem Mark Calleja magħruf bħala Gulija….u li huwa l-moħħ wara dan l-iskandlu.

Jason Azzopardi insista li kemm Gafà kif ukoll Buttigieg kienu jafu bl-aġir ta’ Calleja. U saħaq li anke Michael Falzon ilu jaf b’dan kollu ‘l fuq minn sena.

Huwa stqarr li filwaqt li l-Ministru m’għamel xejn, it-tmexxija ta’ Abela kienet iebsa maż-żgħir, inkluż dawk il-Laburisti ġenwini; iżda lil tal-qalba jħalluhom jagħmlu li jridu.

Jason Azzopardi tenna li Abela ta struzzjonijiet ċari u tondi biex dan il-person of trust ma jitressaqx il-Qorti, u jekk mhux minnu sfidah jiftaħlu libell.