Ċifri maħruġin mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika juru li matul is-sena li għaddiet kien hemm sitt stabbilimenti taċ-ċinema, tnejn f’Għawdex, li b’kollox kellhom 23 screen u kapaċità ta’ 3,881 post bilqiegħda.
Fis-sena 2023, kienu murijin total ta’ 385 titlu ta’ film fi 30,742 wirja, medja ta’ 80 wirja għal kull film. Għall-wiri ta’ dawn il-films, is-swali taċ-ċinemas rreġistraw udjenza ta’ 594,087.
Il-produzzjonijiet Maltin, li ħafna minnhom kienu films qosra, kellhom 4,884 entratura b’total ta’ dħul gross li laħaq is-€20,457 fʼ143 wirja.
Min-naħa l-oħra, produzzjonijiet barranin, li minbarra l-films tradizzjonali kienu jinkludu wkoll iċ-ċinema tal-avvenimenti, kellhom 589,203 entratura b’total ta’ dħul gross li ammonta għal €4,488,290 fi 30,599 wirja.
Matul l-2023, l-udjenzi taċ-ċinema kellhom għażla ta’ 385 film, li l-biċċa l-kbira tagħhom kienu films ‘fiction. Dawn ġibdu lejhom 73.8% tal-entraturi kollha.
L-aktar films popolari kienu ‘Barbie’, ‘The Little Mermaid’ u ‘The Super Mario Bros. Movie’ li rreġistraw 8.8%, 4.7% u 4.7% oħra tal-entraturi kollha rispettivament.
Il-biċċa l-kbira tal-films murijin fis-swali taċ-ċinemas kienu kklassifikati bħala “12A” u “15” fʼtermini tal-klassifikazzjoni tal-età.
Matul is-sena li għaddiet is-swali taċ-ċinemas kellhom medja ta’ 110 impjegat li l-maġġoranza tagħhom kienu mqabbda fuq bażi part-time.
//= $special ?>