Raġel jinsab l-isptar Mater Dei jissielet għal ħajtu wara li kien involut f’argument f’Birżebbuġa.
L-argument seħħ il-Ħadd filgħaxija għall-ħabta tas-7:30 fi Triq San Edwardu, Birżebbuġa.
Il-Pulizija marret fil-post u sabet raġel, li l-identità tiegħu għadha mhix magħrufa, mitluq mal-art u bi ġrieħi f’rasu.
Għaldaqstant, il-Pulizija talbet l-għajnuna medika u r-raġel ittieħed l-Isptar Mater Dei b’ambulanza għal aktar kura, fejn ġie ċċertifikat bi ġrieħi serji u li jinsab fil-periklu tal-mewt.
Mill-investigazzjonijiet li saru rriżulta li l-vittma kien involut f’argument ma’ raġel ta’ 34 sena residenti Santa Luċija. Huwa qiegħed jinżamm mill-Pulizija sabiex jassisti fl-investigazzjonijiet.
Il-Maġistrat Philip Galea Farruġia ġie infurmat bil-każ u ħatar inkjesta.
Il-Pulizija għaddejja bl-investigazzjonijiet fuq il-każ.
//= $special ?>